Lokali Qorti

Miċħuda talba għal kumpens b’rabta ma’ inċident tat-traffiku f’Ħal Għaxaq

Il-Qorti ma laqgħetx talba għal kumpens fil-konfront ta’ sewwieq ta’ mutur li tilef il-kawża li fetaħ kontra tfajla b’rabta ma’ inċident tat-traffiku f’Ħal Għaxaq, wara li l-Qorti kkonkludiet mill-provi li semgħet li l-inċident seħħ tort tiegħu.

Oliver Calleja fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra Rodianne Desira, fejn żammha responsabbli għall-inċident li kien seħħ fil-21 ta’ Marzu 2014, għall-ħabta tas-6.45pm, f’Dawret Ħal Għaxaq.

Calleja qal li Desira baqgħet ħierġa bil-karozza mingħajr ma waqfet bil-konsegwenza li laqtitu u weġġgħatu b’mod gravi. Madankollu, hi rraġunat mod ieħor. L-Imħallef Mark Simiana sema’ ż-żewġ verżjonijiet u ra r-rapport tal-Pulizija kif ukoll ikkunsidra li fl-2019 Desira ma kinitx instabet ħatja tal-inċident f’kawża fil-Qorti Kriminali.

L-Imħallef Simiana kkonkluda li l-verżjoni ta’ Desira kienet iktar konvinċenti minn dik ta’ Calleja u rrimarka li ma jemminx lil Calleja meta qal li l-mara ħarġet fit-triq ewlenija meta huwa kien inqas minn żewġ metri bogħod minnha.

Għal dan kollu, il-Qorti saħqet li ma jagħmel ebda sens li Desira saqet fuq Calleja meta kien tant viċin tagħha u ma setgħetx ma tarahx. L-Imħallef Simiana qal ukoll li hemm inkonsistenza bejn il-verżjoni tas-sewwieq u l-iskizz tal-inċident.

Il-Qorti qalet li jidhrilha li kieku Desira ħarġet mit-triq sekondarja meta Calleja kien inqas minn żewġ metri ‘l bogħod minnha, l-impatt tal-mutur mal-vettura misjuqa minnha ma kienx ikun fil-ġenb tagħha imma mal-parti ta’ quddiem tal-vettura.

L-Imħallef ikkonkluda li l-inċident seħħ tort tas-sewwieq tal-mutur li jew kien qed isuq b’mod parallel mat-traffiku fil-karreġġjata tiegħu, jew kien qed jaqbeż il-vettura ta’ quddiemu li waqfet lil dik tal-mara biex toħroġ mit-triq sekondarja. Huwa qal li fiż-żewġ ipoteżijiet, is-sewwieq tal-mutur naqas milli jsuq b’mod prudenti u għalhekk ċaħadlu t-talba għall-kumpens.