Lokali Qorti

Milqugħa talba tal-awtoritajiet Żvediżi għall-estradizzjoni b’rabta ma’ frodi ta’ €195 miljun fuq VAT

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, laqgħet it-talba tal-Iżvezja għall-estradizzjoni minn Malta ta’ Mohan Bharwani, in-negozjant ta’ 57 sena minn Tas-Sliema, implikat b’rabta ma’ investigazzjoni li fiha allegatament ċirku kriminali wettaq b’€195 miljun fi frodi ġewwa 17-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea.

Bharwani kien arrestat waqt tfittxija li l-Pulizija Maltija għamlet f’residenza f’San Ġwann. Waqt li kien qed jiġi mitkellem mill-Pulizija, huwa stqarr li kien konsulent għal kumpanija Żvediża. L-arrest tiegħu sar waqt operazzjoni li kienet tinvolvi l-forzi tal-pulizija fl-Albanija, l-Awstrija, Ċipru, il-Kroazja, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, Malta, l-Olanda, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Iżvezja u r-Renju Unit, li wettqu aktar minn 180 tfittxija simultanja fi sforz biex jiġu arrestati l-organizzaturi suspettati ta’ skema kumplessa ta’ frodi tal-VAT, li ppermettiethom jiffrodaw sa €195 miljun.

In-negozjant kien implikat fl-Operazzjoni Midas,li fiha madwar 680 uffiċjal minn 17-il pajjiż differenti, inkluż Malta, investigaw ċirku kriminali li mexxa xibka kumplessa ta’ evażjoni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Minbarra Malta, fost il-pajjiżi Ewropej li fihom saru r-rejd kien hemm il-Ġermanja, l-Italja, l-Iżvezja u Ċipru.

F’Malta uffiċjali mit-taqsima ta’ kontra r-reati finanzjarji fi ħdan il-Korp tal-Pulizija għenu fl-investigazzjoni li fiċ-ċentru tagħha kien hemm ‘carousel vat scheme’. Permezz ta’ din l-iskema, merkanzija kienet tkun ipprovduta diversi drabi mingħajr ma jkun imħallas il-VAT lill-awtoritajiet waqt li l-klijenti jirċievu ‘invoice’ valida għat-tnaqqis tal-VAT.

Matul it-tfittxijiet, l-uffiċjali kkonfiskaw ammont kbir ta’ mowbajls li l-valur tagħhom hu mifhum jiżboq il-€15-il miljun, yacht li jiswa €3 miljun, aktar minn €1 miljun fi flus kontanti kif ukoll bosta vetturi lussużi. Il-pandemija jidher li wkoll kienet intużat għall-iskopijiet ta’ dan iċ-ċirku, bl-investigaturi jemmnu li l-Ministeru tas-Saħħa Ġermaniż xtara maskri miċ-Ċina meta fil-verità dawn ħarġu minn maħżen fil-Ġermanja.

Għalkemm wieġeb mhux ħati u oġġezzjona li jiġi estradit fejn ilmenta mill-kundizzjoni tal-ħabsijiet fl-Iżvezja, il-Maġistrat Leonard Caruana qal li Bharwani ma ġabx prova ta’ ffullar u waqt li laqa’ t-talba għall-estradizzjoni, tah 7 ijiem ċans biex jappella mid-deċiżjoni.

L-Ispetturi Shaun Friggieri u Roderick Spiteri rrappreżentaw lill-Kummissarju tal-Pulizija. Preżenti għas-seduta kien hemm ukoll l-avukat Martin Sammut mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.