Knisja Lokali

“Perjodu li jfakkarna fit-tbatijiet, kif ukoll fl-imħabba” – Monsinjur Anton Teuma

“Dan iż-żmien ta’ passjoni għandu jfakkarna fit-tbatijiet tagħna u fil-passjoni ta’ Ġesù; iżda fuq kollox għandu jfakkarna wkoll fl-imħabba ġenwina fejn bniedem iħobb lill-ieħor b’qalbu kollha.”

Saħaq dan l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-messaġġ tiegħu b’rabta mal-Ġimgħa Mqaddsa hekk kif matul din il-ġimgħa l-Knisja tkun qed tiċċelebra l-akbar ġrajja għall-insara – il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu.

Waqt il-messaġġ tiegħu Monsinjur Teuma qal li l-kelma passjoni għall-Maltin u l-Għawdxin ma tfissirx biss tbatija iżda tfisser ukoll imħabba kbira – li ħierga mill-qalb tal-persuna. U allura matul dan iż-żmien inkunu qed infakkru wkoll kif għandha tkun l-imħabba tagħna lejn ħaddieħor.

Huwa qal ukoll li Ġesù fl-imħabba li kellu lejn il-bnedmin, għoġbu li jsir wieħed minnha, u jgħaddi mill-istess esperjenzi tagħna. Monsinjur Teuma saħaq li anke jekk inkunu għaddejjin minn perjodu fejn inkunu rrabjati lejn Ġesù …huwa xorta jibqa’ jħobbna.

Monsinjur Anton Teuma saħaq li għalkemm dan iż-żmien ifakkarna fit-tbatija u fl-imħabba …dan iż-żmien għandu jurina kif għandha tkun ir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn.