Internazzjonali

Slovakkja: Joqtlu lill-ors li tterrorizza belt

Closeup brown bear roaring in winter forest

Ir-residenti f’belt tas-Slovakkja, ġranet ilu, kellhom esperjenza mhux tas-soltu – u tat-twerwir – fejn iffaċċjaw ors feroċi li kien qed jiġri minn triq għall-oħra u bir-riżultat li weġġgħu tal-anqas ħames persuni.

Intant, il-filmati tal-ors kannella – annimal karnivoru – waqt li għaddej mit-toroq fil-belt ta’ Liptovsky Mikulas, intbagħtu fuq il-media soċjali u saru ‘viral’ fi ftit minuti.

Issa, il-Ministeru Slovakk għall-Ambjent, qed jgħid li l-ors inqatel b’tiri li sparawlu l-uffiċjali li ċċirkondaw l-annimal wara li daħal qalb foresta.

L-aħbar ħarġet proprju issa – u wara li l-awtoritajiet kienu ilhom il-ġranet jippruvaw isibu l-ors inkwistjoni li kellu tliet snin u li kien jiżen mas-70 kilogramma.

Dan meta l-Gvern Slovakk, issa, qed jipprova jsib l-approvazzjoni għal liġijiet li jgħinuh biex inaqqas l-ammont tal-orsijiet fil-pajjiż b’mod selettiv minħabba l-element ta’ periklu għall-pubbliku.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Slovakk għall-Ambjent, Tomas Taraba, bagħat messaġġ fuq Facebook biex jirringrazzja lil kulmin għen ‘fil-miżuri għall-ħarsien tal-poplu’ fl-inħawi viċin il-foresta.