Lokali Qorti

Ta daqqa ta’ sikkina lil ġar tiegħu għax qallu biex ma jħallix lil kelb jagħmel l-awrina fil-komun

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkonfermat sentenza fil-konfront ta’ Clifton Mifsud ta’ 47 sena, li kien tpoġġa fuq ordni ta’ probation wara li nstab ħati li ta daqqa ta’ sikkina lill-ġar tiegħu wara li dan mar iwissih biex ma jħallix lill-kelb tiegħu jagħmel l-awrina fil-komun tal-blokka.

Il-każ kien seħħ fit-18 ta’ Lulju 2021 fi blokka appartamenti fir-Rabat, Għawdex, u l-ġrieħi tar-raġel kienu ġew iċċertifikati minn tabib bħala ħfief.

L-ewwel Qorti semgħet lil koppja li jgħixu fil-blokka jgħidu kif dakinhar sabu l-awrina fl-indana quddiem il-bieb tagħhom, u li binhom kien żelaq fiha. Huma marru jħabbtu lil Mifsud, li jgħix fis-sular t’isfel, u allegatament dan fetaħ il-bieb b’sikkina f’idu.

Il-koppja qalulhu li jista’ jrabbi l-annimali, iżda wissewh biex ma jħallix il-ħmieġ fil-komun. Huwa beda jiċħad li qed iżomm l-annimali, u qal li kienu qed iwaħħlu fih għalxejn. Wara nqala’ argument, u f’daqqa u l-ħin Mifsud xejjer is-sikkina u laqat lir-raġel f’żaqqu.

Mifsud iżda ċaħad li kien darab lir-raġel bis-sikkina. Qal li kien fetaħ il-bieb bis-sikkina f’idu għax kien qed jipprepara sidra tat-tiġieġa għall-ikel, u kien il-ġar tiegħu li qabdu mill-polz u spiċċaw jissaraw. Madanakollu l-Qorti kienet sabet lil Mifsud ħati u poġġietu fuq probation għal tliet snin, kif ukoll taħt ordni ta’ trattament biex jiġi megħjun jegħleb il-problemi tiegħu, fosthom dawk ta’ rabja.

“M’hemmx dubju li l-ferita li sofra minnha l-parte civile, u ċioè fiz-żaqq ’il fuq miż-żokra, seħħet proprju minħabba l-aġir tal-appellant li mar jiftaħ il-bieb ta’ barra b’sikkina f’idu. Mhux ideali li din il-Qorti temmen li ma kienx Mifsud li għamel tali ferita meta tieħu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ.

“Din il-Qorti ma tħossx li għandha tiddipartixxi mill-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Maġistrati u dan għaliex hi tal-fehma li tali apprezzament magħmul minnha kien wieħed ‘safe’ u ‘satisfactory’, qalet l-Imħallef Scerri Herrera..

Huwa appella mis-sentenza u sostna, fost l-oħrajn, li l-koppja ma kellhomx jitwemmnu għax kienu taw verżjonijiet differenti ta’ dak li seħħ. Il-Qorti tal-Appell osservat ukoll li fix-xhieda tiegħu, Mifsud beda jevita ċertu domandi u jsemmi ħwejjeġ li ma kellhomx x’jaqsmu mal-każ, waqt li l-ġar tiegħu kien spjega b’mod iktar ċar dak li seħħ dakinhar.

Qalet ukoll li l-fehma tal-Qorti tibqa’ li l-ferita f’żaqq il-ġar tiegħu saret minħabba l-aġir tiegħu, li ddeċieda li jiftaħ il-bieb bis-sikkina f’idu. Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti kkonfermat is-sentenza fit-totalità tagħha.