MALTA …………………….0
BELARUS …………………0
Malta: H. Bonello, K. Shaw, M. Guillaumier, J. Mbong, K. Reid, E. Pepe, K. Nwoko, N. Muscat, Y. Yankam, Z. Muscat, C. Zammit Lonardelli
Belarus: S. Ignatovich, K. Pechenin, D. Polyakov, S. Politevich, D. Nechaev, M. Ebong, E. Yablonski, N. Korzun, P. Zabelin, M. Kireev, A. Shumanski
Referee: Martin Dohal (SVK)
Wara d-draw ta’ 2-2 kontra s-Slovenja, ilbieraħ it-tim nazzjonali mmexxi minn Michele Marcolini kiseb draw ieħor, din id-darba ta’ mingħajr goals kontra l-Belarus. Dan kien il-ħames konfront bejn Malta u l-Belarus fejn Malta qatt ma ħarġet rebbieħa u tal-bieraħ kien it-tieni draw.
Malta kompliet bix-xejra pożittiva fejn għal darb’oħra l-prestazzjoni kienet waħda tajba anki jekk forsi ma laħqitx il-livell muri kontra s-Slovenja ħamest ijiem ilu. Malta ddominat l-ewwel nofs siegħa fejn ħadet kontroll assolut tal-logħba u kellha xi azzjonijiet favorevoli fejn il-Maltin kienu sfortunati li daqqa ta’ Nwoko ħabtet mal-lasta.
Fl-aħħar parti tal-ewwel taqsima u l-ewwel parti tat-tieni taqsima l-Maltin ċedew l-inizjattiva u l-Belarus ikkontrollaw il-logħba kif riedu anki jekk rarament kienu perikolużi quddiem il-lasta Maltija. Fl-aħħar fażi meta bdew isiru diversi sostituzzjonijiet, Malta reġgħet ħadet l-inizjattiva u l-Belarus kellhom jiddefendu kultant b’ċertu diffikultá, iżda minkejja din il-pressjoni l-Maltin ma reġgħux kellhom ċansijiet kbar ta’ skor, bnex finalment ir-riżultat ta’ draw kien l-iktar wieħed ġust.
Kif qal lejliet il-logħba Marcolini, għamel diversi tibdiliet mill-formazzjoni inizjali ta’ kontra s-Slovenja, sitta b’kollox. Wara ftit minuti, kross shot ta’ Lonardelli kien imxellef minn Pechenin u l-goalkeeper tal-Belarus kellu jdawwar għal korner b’diffikultà.
Kemar Reid dar tajjeb ma’ difensur u x-xutt tiegħu minn qagħda angolata għadda jħakkek ma’ sieq il-lasta. Fil-25 minuta kien hemm kross ta’ Lonardelli lejn Nwoko li b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Ignatovich iżda l-ballun ħabat mal-wieqfa u Politevich tajjar il-ballun qabel Reid seta’ jkompli għal ġewwa.
Man-nofs siegħa, kien hemm xutt mid-distanza ta’ Yablonski, bil-ballun jgħaddi ftit barra. It-taqsima ntemmet b’azzjoni oħra tajba tal-Maltin u xutt fil-baxx ta’ Nikolai Muscat ġiegħel lil Ignatovich isalva b’diffikultà.
Il-bidu tat-tieni taqsima kien wieħed kwiet għal Malta fejn ħallew l-inizjattiva kompletament f’idejn l-avversarji. Dawn għal ftit ma sfruttawx din is-superjorità meta Shumanski falla ċans tajjeb bir-ras minn taħt il-lasta.
Kemar Reid kellu xutt li mar għoli filwaqt li Al Tumi, li daħal fil-bidu tat-tieni taqsima minflok Bonello, salva mal-art xutt sabiħ ta’ Kaplenko. L-aħħar nofs tat-tieni taqsima kien tal-Maltin fejn Zack Muscat irċieva mingħand Portelli iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet f’idejn il-goalkeeper.
Fit-80 minuta freekick ta’ Gromyko mar ferm għoli, l-istess kif għamel xutt bid-dawra ta’ Dunstan Vella. Fl-aħħar azzjoni Maltija, Portelli qassam lejn Zach Muscat li wasal xi ftit żbilanċjat fuq il-ballun u kellu jixxuttja bix-xellug biex intilfet opportunità ferm tajba.
//= $special ?>