Lokali

Abela ma jurix umiltà: Ma jammettix li wettaq u-turn oħra

Jum ġdid, iżda l-aġir tal-Prim Ministru Robert Abela jibqa’ l-istess – u-turn oħra konfermata din id-darba f’dak li għandu x’jaqsam il-kura tas-Saħħa Mentali – b’Abela qed jibqa’ jinsisti li ma darx lura minn kliemu.

Dan hekk kif aktar kmieni dan ix-xahar, il-Ministru Jo Etienne Abela ammetta ċar u tond li mhux se jkun qed isir Sptar Ġdid għall-Kura Psikjatrika akuta – u-turn totali minn naħa ta’ Gvern Laburista.  

Fil-fatt, kien fil-11 ta’ Marzu meta fil-Parlament il-Ministru insista li mhux se jkun qed jinbena sptar ġdid tas-saħħa mentali – iżda unit fl-istess Sptar Mater Dei.

Jo Etienne Abela kien stqarr li dan kien xift mill-pjanijiet …bil-Prim Ministru mhux talli ma jammettix tali u-turn, talli saħansitra jgħid li kliem il-Ministru mhux qed jinftiehem.

Fil-Manifest Elettorali ‘Malta Flimkien’, fil-proposti 499 u 500, il-Labour kien wiegħed li se jiftaħ sptar ġdid għall-kura psikjatrika bi spazju għal 120 sodda u ġnien terapewtiku, proġett li kien se jinkludi wkoll taqsima tal-kura intensiva.

Iżda mhux biss – lura f’Ottubru, l-Eks Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien preżenta l-pjan uffiċjali li l-isptar ġdid għal kura tas-Saħħa Mentali jinbena fis-Swatar faċċata tal-Isptar Mater Dei.

Madanakollu, issa jidher li dan il-pjan sfaxxa għalkollox, bil-Prim Ministru ma jridx jammetti li saret u-turn u minflok qed jisħaq li dan huwa logħob bil-kliem.

Il-unit propost issa minn Abela, li jinkludu 110 sodod u mhux 120 kif imwiegħed, huma skont il-Ministru u l-Prim Ministru xprunati mill-esperti. Madanakollu b’mod mill-aktar surreali – il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dennis Vella Baldacchino qal li hu qatt ma ġie kkonsultat dwar dan it-tibdil fil-pjanijiet, u sar jaf biss minn fuq il-media.

Għaldaqstant wara snin ta’ wegħdi, il-Prim Ministru Robert Abela, għal darb’oħra għamel u-turn – u minflok se jibni sptar mentali ġdid għall-kura tas-saħħa akuta, bħalma ilu jisħaq u jipproponi Partit Nazzjonalista, il-Labour se jkun qed idur lura minn kliemu.