Lokali

Ebda pjan mill-Gvern dwar il-mediċini out-of-stock

Is-saga tal-mediċini out-of-stock tibqa’ tiddomina s-settur tas-saħħa f’pajjiżna. Ol-Gvern ta’ Robert Abela jibqa’ ma joffri ebda pjan għal din il-pjaga li għadha qed tolqot lill-anzjani u l-familji.

Tant hu hekk, illi meta Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, biex iwieġeb għall-isfidi kbar li hemm f’dan is-settur, huwa qal li l-lista tal-mediċini out-of-stock, skont hu, hija waħda żgħira.

Iżda, fl-istess nifs Agius Galea spiċċa ammetta li hemm mediċini li jintużaw kemm mill-anzjani kif ukoll minn nies vulnerabbli li fil-fatt huma out-of-stock mill-POYC.

Net News staqsa lid-deputat Laburista responsabbli mill-anzjani dwar kemm qed idumu jistennew l-anzjani, fosthom anke dawk li jinsabu fl-Isptar Mater Dei, sabiex jiġu allokati post f’dar tal-anzjani. B’Agius Galea jagħżel li ma jagħtix ċifri eżatti; għalkemm ammetta li hemm numru ta’ anzjani jistennew.

Intant, Agius Galea għażel li jinħeba wara l-Prim Ministru meta mistoqsi jekk hu, bħala deputat Laburista, hux se jaċċetta lil Rosianne Cutajar lura fil-Partit Laburista. Hekk kif stqarr li se jkun qed jimxi ma’ dak li jgħid Robert Abela; u baqa’ jaħrab milli jagħti risposta diretta.