Internazzjonali

Franza: Passi kontra tifla li gidbet kontra s-surmast li rriżenja fost it-theddid tal-estremisti

Il-Prim Ministru Franċiż Gabriel Attal qal li l-Istat se jfittex tfajla adolexxenti wara li hi akkużat lis-surmast tal-iskola tagħha li  refa’ jdejh fuqha waqt argument jaħraq. L-argument kien dwar l-insistenza tat-tfajla biex tilbes ix-xalla tar-ras skont it-twemmin Iżlamiku waqt li hi kienet fil-klassi. Dan l-aġir imur kontra l-liġi ta’ Franza li ma tippermettix li l-iskejjel jaċċettaw ilbies li jippromwovi biċ-ċar xi denominazzjoni reliġjuża.

Is-surmast spiċċa jirriżenja wara li rċieva kwantità ta’ theddid kontra ħajtu. Intant, instab li l-akkużi tat-tfajla kienu foloz, bil-Pulizija tarresta żewġ persuni b’konnessjoni mat-theddid.

Il-periklu tal-estremiżmu Iżlamiku fil-konfront tal-iskejjel qed jittieħed bl-akbar serjetà mill-awtoritajiet fi Franza. Dan speċjalment wara li l-qtil ta’ żewġ għalliema f’inċidenti separati xprunati mill-għadab ta’ xi individwi dwar allegat disrispett għall-Islam min-naħa tal-vittmi.

Wieħed mill-għalliema, Samuel Paty, kien spiċċa mbiċċer barra t-triq f’Pariġi, fl-2020 waqt li  l-għalliem l-ieħor, Dominique Bernard, kien inqatel ħames xhur ilu fl-inħawi ta’ Arras.