Knisja Lokali

Iċċelebrata l-Quddiesa tal-Griżma fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

L-Arċisqof Charles J. Scicluna kkonsagra ż-żjut fil-jum tal-Ħamis filgħodu, meta ċċelebra l-Quddiesa tal-Griżma, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, fil-Belt Valletta.

Il-konċelebranti kienu jinkludu n-Nunzju Appostoliku Savio Hon Tai-Fai, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, l-Arċisqof Emeritu ta’ Tirana-Durrës George Frendo OP, l-Isqof Emeritu ta’ Garissa Joseph Alessandro OFM Cap, u għadd ta’ saċerdoti djoċesani u reliġjużi

Din hija l‑unika quddiesa li tiġi ċċelebrata f’Ħamis ix‑Xirka filgħodu fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, fejn l-Arċisqof u s-saċerdoti kollha jġeddu l-wegħdiet li għamlu dakinhar tal‑ordinazzjoni saċerdotali tagħhom. Matul il-quddiesa jitbierku ż‑żjut li jintużaw fiċ‑ċelebrazzjoni tas‑sagramenti jew riti oħra tal-Knisja matul is‑sena sa Ħamis ix‑Xirka ieħor.

Fl-omelija, l-Arċisqof stieden lis-saċerdoti u lill-Insara kollha sabiex b’mod speċjali llum, jagħrfu li Ġesù mhuwiex biss dak li ħabbna sal-mewt, iżda wkoll it-Tabib tar-Ruħ tagħna, li kontinwament iħollna minn dnubietna.

“llum nitolbu lill-Mulej jeħlisna minn kull element ta’ possessività, ta’ dominju, ta’ awtorità msejsa fuq il-vanaglorja jew fuq il-kilba għall-poter għax aħna qaddejja, qaddejja tal-merħla li mhijiex tagħna. Aħna qassisin għal Alla ta’ Ġesù u missieru. Imma aħna wkoll qaddejja.”

F’dan il-jum importanti għall-Knisja, fejn f’Ħamis ix-Xirka Ġesù waqqaf is-Sagrament tal-Ordni Sagri, Mons. Arċisqof talab sabiex kull l-ewwel Ġimgħa tax-xahar fil-parroċċi u l-komunitajiet tagħna jkun hemm mument ta’ adorazzjoni bl-intenzjoni speċjali għall-vokazzjonijiet. Huwa ħeġġeġ sabiex “nissapportjaw lil kull min fid-djoċesi għandu l-missjoni jaħdem għall-promozzjoni tal-vokazzjonijiet imma l-ebda għemil u ħidma tagħna mhi se tħalli l-frott jekk ma tkunx imsoqqija mit-talb, mit-talb fiduċjuż f’Alla l-imbierek li ħabbna u ħallna minn dnubietna”.

Illejla, fis-6pm, l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi t-Tifkira Solenni tal-Ikla tal‑Mulej fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fejn se jaħsel ir-riġlejn ta’ għadd ta’ persuni mhux imwielda Malta iżda li jgħixu fil-komunitajiet tagħna. 

Għada fit-3:30pm, l-Arċisqof se jmexxi l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.