Lokali

‘Il fuq minn 500,000 sezzjonijiet ta’ terapija u edukazzjoni: Inspire tiċċelebra 15-il sena mit-twaqqif tagħha

Aktar kmieni din il-ġimgħa, Inspire iċċelebrat il-15-il sena’ anniversarju mit-twaqqif tagħha b’avveniment ġewwa l-faċilitajiet ta’ Marsaskala, bl-għan li jiċċelebraw il-miljiet ta’ din l-organizzazzjoni, kif ukoll jiżvelaw il-wiċċ ġdid tagħha.

Is-sala l-kbira li tinstab ġewwa l-faċilitajiet tal-Inspire stess ewwa Marsaskala, u li s-soltu tilqa’ programm ta’ matul il-jum fejn jattendu 33 adult b’diżabilitajiet severi, fiżiċi u intellettwali, inbidlet f’sala ta’ festin għal aktar minn 150 persuna li attendew bi ħġarhom. Impjegati tal-Inspire, klijenti u benefatturi mill-programmi tad-diżabbiltà, volontiera u sponsors, ingħaqdu flimkien biex jikkommemmoraw ir-riżultati ta’ suċċess li nkisbu matul iż-żminijiet.

Ġew imħabbra ukoll logo u tagline ġodda; logo b’xegħjra aktar friska u professjonali, u tagline aġġornat li jgħid ‘Transforming lives together’ u li jirriffletti l-missjoni tagħha . Dan it-tibdil jkompli jsostni l-impenn li Inspire kellha, għandha, u tibqa’ taqdi, sabiex tkompli taħdem favur soċjetà aktar inklussiva u ġusta, u fejn kulħħadd jingħata d-dinjità flimkien mad-dritt li jikber u jirnexxi.

L-attività bdiet bi preżentazzjoni tas-suċċessi tal-lnspire matul dawn il-ħmistax il-sena ta’ operat. Ħarġet ukoll statistika li wriet l-impatt qawwi li din l-organizzazzjoni ħalliet fuq l-eluf ta’ nies li missew magħha, jew aħjar, ‘il fuq minn 26,000 persuna li ibbenefikaw minn aktar minn 500,000 sezzjoni ta’ terapija u edukazzjoni, mogħtija b’mod individwali jew fi gruppi. Dawn in-nies mhux biss ibbenefikaw minn sezzjonijiet terapewtiċi jew edukattivi, kellhom ukoll l-opportunità li jagħmlu użu mill-faċilitajiet ta’ rijabilitazzjoni speċjalizzati.

Minkejja d-diffikultajiet li ltaqgħat magħhom matul is-snin, Inspire kompliet tiżviluppa s-servizzi tagħha, anke b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet differenti, bħall-Kunsill ta’ Riċerka u Innovazzjoni, magħmul minn esperti lokali u internazzjoni fil-qasam tad-diżabbiltà u l-benesseri tal-persuni; ma’ entitajiet governattivi, kumpaniji privati kif ukoll ma’ għaqdiet volontarji oħra, bl-għan li jitkompla x-xogħol b’mod konsistenti, mgħammar bl-aħjar riżorsi u faċilitajiet sabiex jingħata servizz li jkompli jtejjeb il-kwalità ta’ ħajja ta’ min qed jibbenefika minnu.

Inspire ħabbret ukoll li se tkompli tħares ‘il quddiem bl-intenzjoni li tilħaq aktar nies fil-bżonn, partikolarment dawk in-nies li għandhom bżonn ta’ ċertu servizzi għan-neċessitajiet tagħhom, imma li sfortunatement bħalissa mhumiex jiġu offruti fil-komunità. B’dan il-għan, l-organizzazzjoni Inspire iddeterminata li twettaq proġett ambizzjuż u uniku fit-tip tiegħu ġewwa pajjiżna; proġett li ser jikkonsisti fl-iżviluppar u mmodernizzar tal-faċilitajiet tal-Inspire ġewwa Marsaskala, li għalkemm huwa diġa’ magħruf għar-riżorsi terapewtiċi li diġa’ joffri, l-ispazju għandu potenzja akbar. Il-post huwa diġa’ mgħammar b’pixxina interna, arena għat-terapija biż-żwiemel, kif ukoll bi kmamar multisensorjali, imma permezz ta’ dan il-proġett, l-Inspire tixtieq li aktar nies b’abilitajiet differenti, jkomplu jingħataw is-setgħa u l-opportunitajiet biex jilħqu l-potenzjal tagħhom u sabiex jiffurmaw parti mis-soċjetà tagħna b’mod sħiħ u dinjituż.

Il-fondazzjoni Inspire, twaqqfet fl-2009, u hija organizzazzjoni volontarja li tipprovdi servizzi u faċilitajiet għall-persuni b’diżabbilt u l-familji tagħhom, kemm Malta kif ukoll Għawdex.