Knisja Kultura Lokali

Il-Ġimgħa Mqaddsa: L-aħħar preparamenti għall-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira

Atmosfera ta’ devozzjoni, reverenza u riflessjoni. Din hija l-atmosfera li taħkem lill-Gżejjer Maltin f’din il-Ġimgħa Mqaddsa.

Il-lokalitajiet Maltin u Għawdxin iżommu l-appuntament ta’ devozzjoni lejn il-kalvarju ta’ Ġesù Kristu bi tradizzjonijiet sinonimi ma’ pajjiżna, fosthom il-purċissjonijiet. Net News żar il-Bażilika ta’ Marija Assunta fil-Mosta, fejn tkellem ma’ wieħed mill-imħuħ wara din il-purċissjoni, Paul Vella, li tatratta numru ta’ ċittadini minn madwar Malta u Għawdex iżda wkoll turisti. Fejn stqarr li – preparamenti ta’ purċissjoni bħal din tirrikjedi numru ta’ laqgħat li jsiru darba fix-xahar matul is-sena.

Intant, Paul spjega wkoll li apparti l-laqgħat sabiex tiġi ppjanata rotta differenti kull sena, il-purċissjoni tirrikjedi ħafna voluntiera u parteċipanti, minn tfal, nisa u rġiel li jilbsu ta’ personaġġi kemm personali u tal-prokura tal-Ġimgħa l-Kbira, kif ukoll fil-kalvarju sa reffiegħa u forċini. Voluntiera u parteċipanti li jammontaw għal madwar 600 persuna.

Huwa spjega wkoll li minħabba t-temp umduż Malti, id-disa’ vari li jinsabu fil-Bażilika tal-Mosta jiġu merfugħin fuq raff sakemm jerġgħu jitniżlu fil-Ġimgħa Mqaddsa.

NetNews tkellem ukoll ma’ Justin Aquilina …li huwa membru tal-Grupp Armar Marija Assunta Mosta, fejn spjega li l-armar tal-Bażilika huwa wieħed twil – u li jibda bl-armar tal-kurċifiss tal-injam jumejn qabel ras ir-randan sabiex isir pellegrniaġġ ta’ Ras ir-Randan – jitkompla fit-tielet ġimgħa tar-Randan bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur magħruf bħala l-imgħobbi mal-Mostin sabiex isir pellegrinaġġ Via Sagra u jispiċċa bl-armar tal-vari kollha tal-kalvarju fir-raba’ ġimgħa tar-randan bl-armar tal-bankuni, tilari, fejn imbagħad jinġarru s-sitt vari li jkunu l-maħżen lejn il-Bażilika.

Aquilina spjega ukoll kif fil-ħames ġimgħa tar-randan, jintrama l-monument li din is-sena għalaq 100 sena mill-wasla tiegħu fil-Mosta. Bi skultura ta’ Antonio Agius, induratura ta’ Lorenzo Gatt, bl-anġli u l-korp ta’ Kristu mejjet ikun ta’ Wistin Camilleri. Hu spjega wkoll li nhar l-Erbgħa tat-tniebri, l-vari jiġu mnaddfa u mżejna bil-fjuri bit-tnedija għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħamis ix-Xirka u l-purċissjoni f’jum il-Ġimgħa l-Kbira.

Huwa spjega wkoll li wara l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, numru ta’ reffiegħa jkunu ta’ għajnuna sabiex tiġi żarmata l-Bażilika, u mbagħad imlibbsa bl-armar ta’ Kristu Rxoxt.

Intant, din is-sena l-Vara l-Kbira, jiġifieri l-vara li turi lil Kristu msallab flimkien ma’ statwi ta’ San Ġwann l-Evanġelista, Marija Omm Alla u l-madalena, ġiet restawrata mir-restawratriċi Semira Buġeja wara li nstabu moffa, susa u qsim tal-ġibs oriġinali fuq din l-istess vara. 

Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Mosta issa dieħla għal 150 sena tagħha, filwaqt li l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Bażilika tal-Mosta, xogħol ta’ numru ta’ artisti, ilhom fost il-Mostin sa mill-1866 bl-ewwel vari jkunu dawk tal-Ort u l-Marbut, bl-aħħar vara tkun dik tat-Tradiment ta’ Ġuda fl-1963.