Knisja Lokali

Il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ Ħamis ix-Xirka

Il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa jwaħħdu flimkien dak li huwa sagru mal-elementi kulturali u t-tradizzjonijiet li għadhom b’saħħithom ħafna f’pajjiżna. Tradizzjonijiet li jġibu flimkien il-komunitajiet fl-irħula u l-ibliet tagħna.

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jilħqu l-qofol tagħhom bit-tridu tal-Għid; it-tlett ijiem li jħejju lill-Insara għall-aktar festa importanti fil-kalendarju liturġiku – il-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu u r-rebħa tiegħu fuq il-mewt.

Ħamis ix-Xirka huwa l-jum li jfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u s-sagrament tas-saċerdozju.

Fil-fatt, f’dan il-jum titfakkar fl-aħħar ikla li Ġesù għamel mad-dixxipli tiegħu qabel ma mexa għal Ort tal-Ġetsemani, fejn gie tradut u mibjugħ għal tletin biċċa tal-fidda. Apparti minn hekk bil-ġest tal-ħasil ta’ riġlejn l-appostli, Ġesù jurina l-umiltà u d-dmir ta’ qadi li għandna ngħixu

Ħamis ix-Xirka beda permezz ta’ quddiesa magħrufa bħala taż-Żjut, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Filgħaxija, imbagħad, ġiet iċċelebrata quddiesa mmexija mill-Arċisqof Charles Scicluna, fejn saret it-Tifkira Solenni tal-ikla tal-Mulej fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof saħaq li llum fil-ħasil tar-riġlejn, il-Mulej ried jgħidilna li aħna f’ħajjitna għandna nġeddu l-għotja tiegħu, l-għotja li tagħti l-ħajja, ħajja ta’ servizz. Huwa qal li jekk aħna ningħataw f’servizz umli dedikat u b’imħabba, inkunu qed nagħtu ħajjitna bħalma Ġesù ta ħajtu għalina bit-tixrid ta’ demmu

Fl-istess ċelebrazzjoni, Monsinjur Scicluna ħasel ir-riġlejn ta’ għadd ta’ persuni mhux imwielda Malta …li iżda li jgħixu fil-komunitajiet tagħna.

Intant, it-tridu tal-Għid ikompli l-Ġimgħa bil-visti matul il-jum u bit-Tifkira Solenni tal-Mewt tal-Mulej li ssir mat-tokki tat-3pm.