Lokali

Il-KSU b’edizzjoni oħra ta’ Students’ Fest din id-darba bbażat fuq l-istorja ta’ Toy Story

Il-ħajja Universitarja hija waħda tedjanti, u huwa għalhekk li l-Kunsill Studenti Universitarji jisb modijiet differenti kif idawwar din il-ħajja f’waħda aktar faċli u pjaċevoli.

Huwa għalhekk li kull sena isir Students’ Fest, spettaklu mtella’ minn studenti universitarji minn fakultajiet differenti, bl-ispettaklu ta’ din is-sena jkun ibbażat fuq l-istorja ta’ Toy Story.

Net News kien preżenti waqt il-provi li saru l-Ħamis filgħodu fejn tkellem mad-direttriċi ta’ dan l-ispettaklu, Bianca Pace, li spjegat il-ħsieb wara Students’ Fest.

Intant, Bianca spjegat li spettaklu bħal dan jieħu ħafna żmien u xogħol sabiex jittella’ b’mod professjonali, fejn stqarret li l-preparamenti ilhom għaddejin minn Lulju li għadda, hekk kif kompliet tgħid li l-parteċipanti f’dan l-ispettaklu jitilgħu għal kważi 100 persuna.

Net News tkellem ukoll ma’ Emma Degabriele, li għandha karattru ewlieni f’dan l-ispettaklu, fejn spjegat il-proċess sabiex wieħed ikun parti mill-atturi fi Students’ Fest, fejn isiru auditions f’Novembru, fejn wieħed ikollu jiżfen, ikanta u anke jirreċta bit-tama li jintgħażel bħala karattru ewlieni f’dan l-ispettaklu.

Emma appellat lill-pubbliku, u studenti Maltin u Għawdxin sabiex ikunu parti mill-udjenza ta’ dan l-ispettaklu – dan għaliex ix-xogħol impekkabbli li jagħmlu l-parteċipanti joħroġ ċar fil-prestazzjoni li se jkunu qegħdin jagħtu.

Intant, Students Fest ta’ din is-sena se jkun qed isir bejn il-5 u s-7 ta’ April, mit-8pm sal-10:30pm fis-sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta.