Edukazzjoni Lokali

Il-KSU jesprimi tħassib dwar il-problema kbira tal-għoli tal-ħajja

“Ħafna studenti qed jesperjenzaw livelli ogħla ta’ stress, ansjetà u inċertezza dwar il-futur tagħhom,” stqarret il-kummissjoni tal-edukazzjoni u politika soċjali tal-KSU hekk kif tinsab imħassba dwar iż-żieda mgħaġġla tal-għoli tal-ħajja, f’Malta u l-impatt li din qed ikollha fuq l-istudenti.

Skont stħarriġ tal-KPMG, il-pagi f’Malta naqsu milli jżommu mal-inflazzjoni fl-2023. Fil-fatt, ir-rapport jenfasizza li filwaqt li l-pagi żdiedu b’1.5% is-sena li għaddiet, l-inflazzjoni żdiedet b’5.7%. L-ispejjeż għall-affarijiet essenzjali bħall-akkomodazzjoni u l-ikel, mhumiex biss numri fuq paġna iżda jirrappreżentaw ostakli reali li qed jaffaċċjaw l-istudenti għall-edukazzjoni u opportunitajiet għal tkabbir akkademiku u personali.

B’mod partikolari, l-għoli tal-ħajja qed jillimita bil-kbir il-kapaċità tal-istudenti li jipparteċipaw fi programmi ta’ arrikkiment bħall-Erasmus+. Għalkemm l-istudenti huma grati għall-fatt li diġà hemm appoġġ finanzjarju għal programmi bħal dawn, dan xorta waħda mhux biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jaffordja l-kera fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Barra minn hekk, l-istudenti jixtiequ wkoll li jipparteċipaw f’organizzazzjonijiet studenteski, attivitajiet ekstrakurrikulari, u avvenimenti universitarji, li jikkontribwixxu
b’mod sinifikanti għal ħajja edukattiva tal-istudent.

Madankollu, minħabba l-pressjonijiet finanzjarji li qed jesperjenzaw ħafna studenti, dawn ma jistgħux jipparteċipaw f’tali opportunitajiet li jikkontribwixxu għall-iżvilupp akkademiku u kulturali tal-istudenti, li
joffrulhom esperjenzi uniċi li jestendu ferm lil hinn minn dak li sempliċament jiġi mgħallem fil-klassi. Il-ħtieġa li studenti jaħdmu sigħat itwal biex ikopru l-ispejjeż bażiċi tal-għajxien, tfisser li l-istudenti qed jitilfu l-esperjenza sħiħa u ħolistika tal-università. Il-KSU ma jistax jenfasizza biżżejjed l-effett detrimentali li dan għandu fuq is-saħħa mentali tal-istudenti.

Il-KSU tistqarr li huwa tal-iskantament kif, skont ir-rapport annwali dwar il-ferħ madwar id-dinja, il-Maltin taħt it-30 sena huma l-inqas poplu kuntent fl-Unjoni Ewropea.

Biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet, il-KSU jipproponi diversi bidliet u interventi mmirati lejn it-taffiment ta’ pressjonijiet finanzjarji fuq l-istudenti.

Fil-fatt, il-kunsill ttenni li skont id-Direttiva tal-EU dwar il-Pagi Minimi Adegwati, il-paga minima għandha bżonn tiżdied għal 60% tal-paga medjana. Il-Kunsill jixtieq ukoll jara żieda fil-miżuri relatati mal-għarfien finanzjarju tal-istudenti, kif ukoll għotjiet finanzjarji biex jappoġġjaw lill-istudenti bix-xiri individwali ta’ software u tagħmir.

Il-KSU jisħaq ukoll li d-dritt għal rimunerazzjoni adegwata għandha tkun applikabbli għal kull min qed jagħmel prattika edukattiva bħala parti mill-kors. Intant il-KSU irid jara żieda fiz-zoni ħodor, l-introduzzjoni ta’ aktar attivitajiet mhux kummerċjalizzati.