Lokali

Il-President Vella jilqa’ lil Roberta Metsola fil-Palazz tal-Gran Mastru

Il-President ta’ Malta George Vella laqa’ lill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta.

Il-President enfasizza r-rwol importanti tal-Parlament Ewropew fid-demokrazija parteċipattiva u l-enfasi li tingħata liċ-ċittadini permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi. Huwa esprima t-tama tiegħu li permezz tal-elezzjonijiet li ġejjin, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jkollhom aktar aċċess għall-istituzzjonijiet Ewropej, u aktar influwenza fuqhom.

Ġie diskuss ir-rwol tal-Parlament Ewropew fl-indirizzar tal-iżviluppi reġjonali, b’enfasi partikolari fuq it-tkabbir u l-migrazzjoni.

Il-President Metsola rringrazzjat lill-President Vella għas-servizz tiegħu lill-poplu ta’ Malta u Għawdex, għat-taħditiet li kellhom, il-gwida tiegħu, u għall-kooperazzjoni kbira mal-Parlament Ewropew. Faħħret ukoll ir-restawr riċenti fil-Palazz tal-Gran Mastru, li sar permezz ta’ fondi tal-UE.

Saħqet fuq l-importanza tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej, u tenniet l-appell tagħha lill-poplu ta’ Malta u Għawdex biex jivvota u jsemma leħnu meta jagħżel is-sitt Membri tal-Parlament Ewropew.