Illum, jingħata bidu għat-tridu tal-Għid, it-tlett ijiem li jħejju lill-Insara għall-iktar festa importanti tal-Insara – il-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt. Ħamis ix-Xirka hu l-jum li jfakkar it-twaqqif tal-Ewkaristija u tas-saċerdozju. F’dan il-jum aħna niftakru fl-aħħar ikla li Ġesù għamel mad-dixxipli tiegħu qabel ma mexa għal Ort tal-Ġetsemani fejn ġie tradut u mibjugħ għal tletin biċċa tal-fidda. Bil-ġest tal-ħasil ta’ riġlejn l-appostli, Ġesù jurina l-umiltà u d-dmir ta’ qadi li għandna ngħixu.
Fil-gżejjer tagħna ngħixu din il-ġurnata b’bosta tradizzjonijiet fosthom l-hekk imsejħa ‘Seba’ Visti’ fejn wara li l-artali ewlenien tal-knejjes kollha jitneżżgħu, u jintrama s-sepulkru, il-folla devota tinġabar biex tirrifletti fuq il-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu b’bosta talb fosthom dik tar-Rużarju.
Ma jonqsux tradizzjonijiet oħra bħal wiri ta’ vari kemm fi knejjes kif ukoll ġewwa djar privati. Wieħed ma jistax jinsa wkoll tradizzjonijiet kulinari bħal qagħaq tal-appostli u sfineġ.
Matul il-jum, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra l-Quddiesa tal-Griżma, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, fejn ikkonsagra ż-żjut.
//= $special ?>