Internazzjonali

Iżrael: Jiċħad li impona l-ġuh fuq in-nies ta’ Gaza bħala arma tal-gwerra

Il-Gvern ta’ Iżrael jinsab urtat għall-akkuża li qed jinforza sitwazzjoni kontinwa ta’ ġuh bħala arma tal-gwerra kontra l-poplu Palestinjan fil-Medda ta’ Gaza.

Dan wara li l-akbar uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti inkarigat mill-ħarsien tad-drittijiet umani qal li aġir bħal dan, jekk ippruvat, jista’ jammonta għal reat tal-gwerra min-naħa tal-Iżraeljani.

L-uffiċjal, Volker Turk, waqt intervista mal-Istazzjon BBC, qal, bla tlaqliq, li l-Palestinjani f’Gaza ilhom neqsin sew mill-ikel u affarijiet oħra essenzjali. Hu, intant, saħaq li teżisti probabbiltà  li dan hu kollu dovut għal pjan speċifiku tal-Iżraeljani.

U waqt li Volker Turk qal li l-Iżraeljani jridu jġorru ħtija sinifikanti għal din is-sitwazzjoni, il-Ministru Iżraeljan għall-Ekonomija, Nir Barkat, fisser dan il-kliem bħala stqarrija rresponsabbli u totalment bla sens.

Barkat hu wkoll politiku ewlieni fil-Partit Likud immexxi mill-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu

Iżrael ilu minn Ottubru jassedja lill-grupp Ħamas bħala parti mill-gwerra kontra t-terroristi ta’ Gaza li xhur ilu wettqu l-massakri storiċi qalb l-ibliet u komunitajiet Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.

U wara xhur ta’ twissijiet dwar il-katastrofi umana f’Gaza, rapport appoġġjat min-Nazzjonjiet Uniti qed jippreżenta l-provi u statistika li juru li l-kriżi tal-ġuh qed tkun xprunata minn pajjiż wieħed, f’dan il-każ Iżrael, fi klima ta’ konflitt assolut.

Dan ukoll meta n-Nazzjonijiet Uniti qed iżżid il-pressjoni fuq Iżrael biex tirrispetta r-responsabbiltajiet legali tagħha għall-protezzjoni taċ-ċivili Palestinjani f’Gaza. Hemm ukoll appell imqanqal biex l-Iżraeljani jippermettu ħalli l-Palestinjani fil-bżonn tal-għajnuna jirċievu l-materjal kollu li jista’ jagħmel differenza bejn ħajja u mewt.

Il-Kabinett Iżraeljan, min-naħa tiegħu, insista li pajjiżu qed jippermetti biex l-għajnuna kollha li l-Istati Uniti u l-pajjiżi l-oħra qegħdin joffru lin-nies ta’ Gaza tgħaddi direttament lill-familji Palestinjani.