Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’serq minn ħwienet tad-ditta fil-Belt

Raġel ta’ 57 sena minn Ħaż-Żebbuġ, inżamm arrestat mill-Maġistrat Ian Farrugia wara li ġie mixli li f’temp ta’ tliet ġimgħat wettaq tliet serqiet ta’ tliet nuċċalijiet tad-ditta u żarbun minn żewġt stabbilimenti fil-Belt, Valletta.

Stephen Chircop ġie mixli wkoll li kiser ordni ta’ probation, ksur ta’ sentenza sospiża u li sar riċediv. L-Ispettur Daryl Borg qal lill-Qorti li nhar l-Erbgħa li għaddew, waqt ronda li kienet qed tagħmel il-Pulizija mill-Għassa tal-Belt, osservat raġel li kien qed jaġixxi b’mod suspettuż f’ħanut u li kien qed jaħbi xi ħaġa taħt il-ħwejjeġ tiegħu.

Irriżulta li dan kien żarbun tad-ditta. Minn aktar stħarriġ fuq Chircop, il-Pulizija skopriet li fis-7 ta’ Marzu, minn ħanut tan-nuċċalijiet u wkoll fis-16 ta’ Marzu, mill-istess ħanut li jinsab fi Triq ir-Repubblika, kienu nsterqu tliet nuċċalijiet tal-marka “Ray Ban.” Wieħed kien insteraq fl-ewwel okkażjoni, u t-tnejn l-oħra fit-tieni okkażjoni.

Chircop, li wieġeb mhux ħati tal-akkużi, għamel talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu mill-Avukat tal-Għajnuna Legali u dan fuq il-fatt li jaħdem u għandu familja u li jekk jinżamm arrestat, jista’ jitlef l-impieg tiegħu.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għall-pleġġ għax qalet li mhux affidabbli, riċediv filwaqt li l-kondotta tiegħu hija waħda kkulurita. Il-Qorti qalet li l-akkużat mhux affidabbli u hemm il-periklu li jista’ jikser difrejh mal-liġi u għalhekk it-talba għall-ħelsien mill-arrest kienet miċħuda.