L-Enemalta temmen li għas-sajf li ġej, meta jkollna mewġa ta’ sħana wara l-oħra, se jkollna biżżejjed enerġija biex isservi għad-domanda li hawn fil-gżejjer Maltin; bla ma nesperjenzaw qtugħ ta’ dawl.
Dan intqal mill-Enemalta f’kummenti lit-Times of Malta – għalkemm qalet li għad m’hemmx offerta magħżula biex isir il-proġett ta’ €46 miljun għal impjant temporanju tal-enerġija f’każ li pajjiżna jerġa’ jesperjenza qtugħ ta’ dawl ta’ sigħat u ġranet sħaħ fl-eqqel tas-sajf.
Jirriżulta li dan il-proġett mhux qed jingħata wisq importanza, għall-fatt li l-Enemalta għadha temmen li l-qtugħ ta’ dawl li esperjenzajna m’għandux x’jaqsam mal-produzzjoni tal-elettriku – iżda mad-distribuzzjoni.
L-impjant t’emerġenza li għandu jsir f’Delimara għandu l-iskop li jagħti l-elettriku lil xi wħud mill-irħula u bliet f’każ li Malta terġa’ tesperjenza qtugħ ta’ dawl mifrux mal-pajjiż kollu. Dan kien tħabbar fil-budget li għadda u l-impjant għandu jaħdem temporanjament għal sentejn sakemm Malta jkollha t-tieni interconnector.
Il-ħtieġa li l-Gvern jieħu azzjoni immedjata dwar din is-sitwazzjoni tidher bżonjuża aktar minn qatt qabel wara li f’Lulju li għadda, Malta esperjenzat id-dawl ġej u sejjer għal għaxart ijiem sħaħ; bil-Ministru twaħħal fil-mewġa ta’ sħana.
Sabiex l-impjant il-ġdid jibda jopera qabel jibda Lulju, il-kumpanija li tintgħażel trid tibda taħdem fuqu llum qabel għada. Dan hekk kif fi żmien tliet xhur inkunu diġà dħalna fis-sajf. Iżda l-Enemalta għadha għaddejja bil-proċess ta’ evalwazzjoni. Iċ-Chairperson tal-Enemalta kkonferma li s-sajf li għadda kellna żieda ta’ 14% fid-domanda għall-elettriku meta kkumparat ma’ sjuf oħrajn. Din id-domanda mistennija tiżdied aktar fis-sajf li ġej.
//= $special ?>