Lokali

MeDirect iniedi aktar servizzi diġitali u jħabbar profitt wara t-taxxa ta’ €11.9 miljun għall-2023

Bħala bank diġitali pan-Ewropew, MeDirect Group ħabbar profitt wara t-taxxa ta’ €11.9 miljun fl-2023, żieda minn €8.7 miljun fl-2022. Dawn ir-riżultati nkisbu matul sena li fiha l-Grupp iffoka fuq tkabbir sostenibbli, sostnut minn teknoloġija avvanzata u mudell ta’ negozju li huwa skalabbli. In-numru ta’ klijenti ta’ MeDirect żdied bi 23% biex laħaq 133,000 ruħ. L-assi finanzjarji tal-klijenti kibru bi 18% għal €5 biljun, li minnhom €1.7 biljun kienu assi taħt kustodja mal-MeDirect. Dawn il-kisbiet kienu sostnuti minn diversi żviluppi sinifikanti.

Il-prodotti disponibbli fuq il-pjattaforma ta’ MeDirect għall-konsumatur ġew estiżi biex joffru għażla akbar ta’ servizzi bankarji ta’ kuljum, depożiti u wealth management. Wieħed jista’ jsir klijent ta’ MeDirect b’mod effiċjenti u malajr u jgawdi minn esperjenza bla xkiel għal min jużaha. F’Lulju 2023, MeDirect nieda servizz ta’ kards fiżiċi u virtwali f’Malta, b’firxa ta’ funzjonalitajiet li huma kollha disponibbli online. Dan l-iżvilupp isaħħaħ l-għajta ta’ MeDirect bħala bank primarju li joffri servizzi diġitali bla xkiel.

MeManaged, is-servizz ta’ Discretionary Portfolio Management tal-bank li diġà kien disponibbli f’Malta, tnieda wkoll fil-Belġju u l-Olanda. Huwa prodott ewlieni allinjat mal-missjoni ta’ MeDirect li jagħti s-setgħa lin-nies biex ikabbru l-ġid tagħhom b’awtonomija u kunfidenza. Mil-lat ġeografiku, it-tnedija tal-offerta ta’ wealth management minn MeDirect fl-Olanda f’Mejju tal-2023 kienet promettenti f’termini tan-numru ta’ klijenti ġodda li ngħaqdu mal-bank u l-livell għoli ta’ għarfien ma’ MeDirect, fi żmien qasir.

Dawn l-iżviluppi kienu possibbli grazzi għat-teknoloġija proprjetarja inhouse avvanzata ta’ MeDirect li tippermetti l-innovazzjoni b’pass mgħaġġel, li jiskala u jkabbar waqt li jżomm l-ispejjeż taħt kontroll u li jopera b’ġestjoni robusta tar-riskju. L-affidabbiltà tal-pjattaforma ta’ MeDirect ġiet enfasizzata mill-ħin tal-operat jew uptime medju ta’ 99.99% fuq il-punti ta’ kuntatt kollha tal-klijenti f’diversi postijiet ġeografiċi madwar id-dinja. Il-kwalità tas-servizz kienet riflessa wkoll f’livell għoli ta’ sodisfazzjon tal-klijenti, b’fost oħrajn in-Net Promoter Score ta’ 60 miksub f’Malta. MeDirect ġie rikonoxxut ukoll mill-klijenti bħala t-tieni l-aħjar pjattaforma ta’ tfaddil u investiment fil-Belġju.

Arnaud Denis, CEO ta’ MeDirect Group, qal: “L-2023 kienet sena li matulha komplejna niksbu progress b’pass mgħaġġel u nikkonsolidaw il-pjattaforma tagħna. B’mod kostanti kabbarna n-negozji tagħna kemm min-naħa tal-wealth kif ukoll tas-self. Issa għandna l-ambizzjoni bħala l-ewwel bank diġitali f’Malta li nsiru l-bank primarju tal-klijenti tagħna. Filwaqt li t-teknoloġija u l-klijenti tagħna jibqgħu fil-qalba tal-għanijiet tagħna, l-istrateġija ta’ tkabbir sostenibbli tiddependi fuq investiment selettiv, kontroll tal-ispejjeż u ġestjoni effettiva tar-riskju biex ittejjeb il-profittabbiltà tal-bank minkejja li għadna ninsabu f’kundizzjonijiet makroekonomiċi globali inċerti.”

Matul l-2023, il-portafoll totali ta’ self fuq id-djar jew home loans ta’ MeDirect żdied bi 22%, minn €2 biljun għal kważi €2.5 biljun: home loans garantiti mill-gvern Olandiż (NHG) qabżu s-somma ta’ €2 biljun, home loans Belġjani qabżu €250 miljun filwaqt li self għal buy-to-let professjonali fl-Olanda laħaq il-€85 miljun. F’Malta, il-portafoll ta’ home loans laħaq kważi €100 miljun u l-offerta twessgħet biex tinkludi self għall-investiment fil-proprjetà, kif ukoll il-possibbiltà li l-klijenti jħallsu biss l-imgħax fuq is-self għal perjodu ta’ 18-il xahar. Għall-kategoriji kollha ta’ self, il-Bank juża t-teknoloġija u tfassil ta’ proċessi bla xkiel biex jitnaqqas iż-żmien meħtieġ biex tinħareġ l-approvazzjoni tas-self (magħrufa bħala sanction letters) u jitlestew il-kuntratti għax-xiri tad-djar. F’kull okkażjoni, MeDirect japplika proċess robust ta’ għażla tar-riskju li rriżulta f’portafolli ta’ kwalità għolja b’numru baxx ta’ arretrati u nuqqasijiet.

Fuq in-naħa korporattiva, MeDirect kompla jappoġġja l-ekonomija lokali Maltija billi żviluppa b’mod dinamiku l-franchise tiegħu. Is-self korporattiv domestiku kiber għal €140 miljun f’Diċembru 2023, b’loan-to-value ratio konservattiv li kien fuq medja ta’ 54%. MeDirect jipprovdi wkoll servizzi korporattivi ta’ kwalità għolja (bħal ftuħ ta’ kontijiet bankarji, servizzi ta’ ħlas u teżor, ġestjoni tal-likwidità, kambju ta’ muniti barranin eċċ) lil madwar 400 klijent f’diversi setturi. Il-bank kompla jsaħħaħ il-pjattaforma tal-e-banking tiegħu biex joffri l-aqwa servizzi diġitali lill-klijenti korporattivi tiegħu, wkoll.

Fl-aħħar nett, MeDirect kompla l-programm ta’ tnaqqis tar-riskju, bil-portafoll ta’ International Corporate Lending (“ICL”) li minn €512-il miljun fl-2022 niżel għal €329 miljun sal-31 ta’ Diċembru 2023. L-assi tal-ICL issa jammontaw għal inqas minn 7% tal-assi totali tal-Grupp u 12% tas-self tiegħu.

Bħala bank sistemiku f’Malta, MeDirect huwa regolat mill-Bank Ċentrali Ewropew bħala parti mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Li tkun parti mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku jiżgura li MeDirect huwa regolat bl-istess standards bħall-akbar banek fl-Ewropa. Fl-aħħar tas-sena, il-proporzjon tal-kapital (capital ratio) totali ta’ MeDirect kien ta’ 20.3%, u l-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità (Liquidity Coverage Ratio) kien ta’ 209%. Tali ċifri jaqbżu r-rekwiżiti regolatorji, ir-rakkomandazzjonijiet u l-buffers tal-ġestjoni kollha.