Lokali Qorti

Mixli b’fastidju fuq mara li kien iħallilha rigali fuq l-għatba tal-bieb

Raġel ta’ 30 sena residenti Santa Venera li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u spiċċa jibki u jolfoq fl-awla wara li ġie mixli li f’dawn l-aħħar xhur wettaq atti ta’ fastidju fuq mara li kien qed isus warajha, minkejja li ma riditx li jkollha kuntatt miegħu.

Il-prosekuzzjoni qalet li Travis-Francis Xuereb, li qal li jaħdem bħala Truck Driver mal-Freeport, kien ta’ spiss iħalli rigali għal mara quddiem il-bieb tagħha f’Ħal Balzan. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

L-Ispettur Clayton Camilleri qal lill-Maġistrat Ian Farrugia li għal dawn l-aħħar xhur saru rapporti fil-konfront tiegħu minn mara li Xuereb kien qed isegwiha, iċempillha u jħallilha diversi rigali fuq l-għatba tal-bieb.

Il-mara qalet lill-Pulizija li fil-bidu kien hemm ftit ta’ kuntatt bejniethom fuq il-media soċjali. Imma wara ddeċidiet li tibblokkjah u taqta’ kollox. L-Ispettur tenna li l-akkużat ma qatax qalbu, anzi l-affarijiet skalaw fejn ġieli kien jgħaddi minn ħdejn ir-residenza tagħha saħansitra sa tliet darbiet kuljum u jħallilha r-rigali.

Kien hawn li l-allegata vittma ddeċidiet li tmur l-Għassa u tagħmel rapport fejn hi qaltilhom fuq il-background tal-każ. Il-Pulizija kellmuh u qalulu li jkun aħjar li jitkellem mal-avukat tiegħu. F’dak il-perjodu deher li kien se jikkopera u waqaf minn dan il-fastidju għal ftit taż-żmien, iżda wara reġa’ beda jagħmel dak li kien qed jagħmel qabel fil-konfront tal-allegata vittma.

Il-prosekuzzjoni qalet li kienet qed takkuża lil Xuereb li nhar it-Tlieta li għaddew, f’Ħal Balzan. u qabel segwa lil mara u kkaġunalha biża’ li kienet se tintuża’ vjolenza fil-konfront tagħha. Xlietu wkoll li kkawżalha allarm u dwejjaq li setgħu jwasslu għal offiża gravi fiżika jew psikoloġika, u li liema fastidju kellu konottazzjonijiet sesswali, inkluż kliem u mossi, offensivi, umiljanti u degradanti.

Ġie mixli wkoll li bl-aġir tiegħu kkaġuna biża’ li setgħet tintuża vjolenza fil-konfront tagħha u li uża l-mobile għal dan l-iskop. Mal-bidu tal-kawża, l-Ispettur Camilleri ppreżenta mobile lill-Qorti li ntuża fl-allegat fastidju. Saret talba għal ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara u l-membri tal-familja tagħha, liema talba kienet milqugħa lejn l-aħħar tas-seduta.,

L-Avukat tal-Għajnuna Legali għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat, liema talba sabet oppożizzjoni kbira mill-prosekuzzjoni. Dan minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi u li ma jistax ikun hemm is-serħan tal-moħħ li Xuereb ma jerġax jipprova jagħmel kuntatt mal-allegata vittma.

Id-difiża qalet li dan huwa każ partikolari u li jekk wieħed jara l-istqarrija, mill-ewwel jifhem aħjar. Il-ħabs mhux il-post it-tajjeb għalih għax din hi problema ta’ natura psikjatrika, u jekk jingħata ordni li ma jkellimx lill-allegata vittma, dan joqgħod mal-ordni, kompliet tgħid id-difiża.

Kien f’dan il-waqt l-akkużat infexx jibki u jgħid li mhux se jersaq lejha jew ikellimha. Id-difiża qalet ukoll li l-akkużat kura għandu bżonn mhux li jmur il-ħabs. Il-Qorti qalet li iva l-istqarrija tagħti indikazzjoni tal-għajnuna li hemm bżonn. L-Ispettur Camilleri qal li l-għajnuna tista’ tingħata lil Xuereb mill-ħabs stess.

Il-Maġistrat Ian Farrugia qal li wara li sema’ l-partijiet u n-natura tal-akkużi u d-dokumenti esebiti, fejn qieset li peress għad iridu jixhdu l-allegata vittma u l-familjari tagħha, l-biża’ ta’ intraċċ tal-provi jibqgħu reali, u għalhekk qed tiċħad it-talba.

Qal ukoll li fiċ-ċirkostanzi tal-każ juru li l-imputat ma jagħtix il-garanziji meħtieġa mhux biss biex tiġi imħarsa l-integrità tal-amministrazzjon tal-ġustizzja, iżda wkoll ma jagħtxi is-serħan tal-moħħ għal dak li għandu x’jaqsam ma’ potenzjalità tar-ripetizzjoni tar-reat.

Għalhekk, f’dan l-istadju ċaħdet it-talba. L-Ispettur Calyton Camilleri megħjun mill-Avukat Jurgen Dalli mill-uffiċċju tal-AĠ, mexxew il-prosekuzzjoni. L-Avukat Sarah Mifsud dehret bħala parte civile għan-nom tal-allegata vittma.