Lokali

Qbil konġunt bejn il-GWU u l-Membru Parlamentari Ivan Bartolo

Ritratt: Arkivji (Martin Agius)

Il-membru parlamentari Ivan Bartolo dduskuta diversi temi dwar is-solidarjetà soċjali, f’laqgħa li saret mal-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union . Fosthom spikkat is-saħħa mentali tal-ħaddiema, il-pressjoni li jkollhom dawn l-individwi ġejja fuqhom mix-xogħol, id-dar, l-ulied u l-finanzi.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja stqarr li hawn nuqqas ta’ kuxjenza u empatija lejn persuni b’mard mentali, hemm bżonn isir aktar, minn kulħadd, biex tiżdied l-għajnuna u l-informazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol,  għal min ikun għaddej minn mumenti sensittivi.

“Min iħaddem irid iqis li jekk għandu ħaddiema li jinsabu għaddejin minn żminijiet diffiċli, dan se jirrifletti fuq ħidmiethom,” żied jgħid Bugeja.

Il-Membru Parlamentari Ivan Bartolo qal li hu jsegwi l-ħidma ta’ din it-trejd unjin u jħoss li hemm similarità bejn il-mod kif hu u l-GWU iħarsu u jindirizzaw il-ġustizzja soċjali.

“Nixtieq li wara din il-laqgħa bejnietna nsaħħu u nkabbru r-relazzjoni bejnietna biex inkunu ta’ spalla għal xulxin f’din il-ħidma għal soċjetà aħjar,” żied jgħid Bartolo.

Iddiskutew ukoll il-proposta li għadda ftit ilu l-Membru Parlamentari Ivan Bartolo dwar id-donazzjoni tal-organi, li din issir mandatorja. Din hi proposta li l-GWU taqbel dwarha.

“Ħames snin ilu, jien kont tajt kilwa lil raġel li ma nafx u nistqarr li nħossni kburi b’dak li għamilt. Jien ippreżentajt abbozz ta’ liġi biex is-sistema tad-donazzjoni tal-organi ssir bis-sistema tal-opt-out. B’dan il-mod inkunu qed nagħmlu solidarjetà anke wara l-mewt tagħna. Emenda li tinstab diġà f’pajjiżi Ewropej oħra,” saħaq Ivan Bartolo.

Flimkien tkellmu wkoll dwar il-ħidma li trid tkompli ssir fostna biex nintegraw lill-persuni barranin f’pajjiżna. Sitwazzjoni li ż-żewġ partijiet iħossu li għad irid isir aktar sforz fuqha, tista’ tgħid globalment. Hawnhekk, is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja stqarr li din l-integrazzjoni diġà daħlet sew fil-postijiet tax-xogħol.

“Nistqarr li minn dak li jirrapportawli s-Segretarji tat-Taqsimiet u anke li naraw u nisimgħu aħna stess, il-barranin fil-postijiet tax-xogħol organizzati, integraw tajjeb ħafna mal-ħaddiema Maltin. Huwa ta’ pjaċir u sodisfazzjon, u għalhekk nemmen li dan jista’ jseħħ anke fil-komunitajiet fostna,” żied jgħid Josef Bugeja.