Lokali

Rabja kbira għall-kumment ta’ Galdes meta qal li “l-poplu sar iktar sinjur”

“Kulħadd mifni bid-dejn.”
“Saru sinjuri tal-qalba biss, kulħadd jitħanżer.”
“Ma jgħixux fl-istess dinja tagħna.”

Kienu dawn uħud mill-mijiet ta’ kummenti għal dak li qal il-Ministru Roderick Galdes meta għal mistoqsija ta’ Net News ikkummenta li: “llum il-poplu Malti sar aktar sinjur”; kumment li ħoloq rabja kbira fost il-poplu Malti u Għawdxi.

In-nies irrimarkaw li l-ħajja dejjem qed togħla iżda l-pagi ilhom fl-istess livell li kienu snin ilu. Dan qed iwassal biex il-ġenerazzjoni t’issa li qed ifittxu jew diġà xtraw post, se jkollhom jgħixu ħajjithom mifnija bid-dejn sakemm joħorġu bil-pensjoni.

Dan apparti li hawn diversi żgħażagħ li spiċċaw mhux talli ma jafux kif se jaqbdu jixtru post fejn jgħixu, iżda saħansitra familji sħaħ li qas jafu kif se jwasslu sal-aħħar tax-xahar b’riżultat li lanqas biss jaffordjaw platt ikel sħun kuljum. Dan ġie konfermat minn numru ta’ għaqdiet mhux governattivi li jgħinu billi jagħtu b’xejn l-ikel lil dawk fil-bżonn, b’dan l-ammont jitla’ għal mijiet u saħansitra l-eluf ta’ Maltin u Għawdxin.

Kumment ieħor jindirizza lill-Ministru fejn jingħad li issa spiċċa ħadd mhu jemmen dak li qed jgħid dan il-Gvern Laburista hekk kif kulħadd spiċċa jgħix ħajja miżera minn kull aspett.