Sport

Tintemm l-avventura taż-żgħażagħ Maltin fi Bridlington

It-timijiet nazzjonali Maltin taż-żgħażagħ temmew l-avventura tagħhom fit-tazza tan-nazzjonijiet 2024, fi Bridlington, meta ġew eliminati fis-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.

It-tim ta’ taħt it-18-il sena wasal sal-aħħar erbgħa tat-tournament iżda safa’ megħlub mill-Iskozja A 13-11 f’logħba li l-Maltin kienu żvinturati ferm. Min-naħa l-oħra, ix-xorti daħket ferm lill-Iskoċċiżi li baqgħu għaddejjin sabiex rebħu din il-logħba.

Aktar qabel fil-fażi tal-gruppi, il-Maltin rebħu 21-4 kontra l-Iskozja B filwaqt li tilfu 15-10 kontra l-Ingilterra B.

Anke t-tim ta’ taħt it-23 sena wasal sas-semifinali għalkemm ġie eliminat mill-Ingilterra A 13-8. Anke hawn il-Maltin żammew mal-avversarji għal ħafna mill-ħin għalkemm l-aħħar frames kienu deċiżivi għall-Ingliżi.

Aktar qabel fil-logħbiet ta’ filgħodu, il-Maltin kellhom rebħa kbira ta’ 20-5 kontra l-Afrika t’Isfel filwaqt li tilfu 19-6 kontra l-Ingilterra A.

Kollox ma’ kollox, iż-żgħażagħ Maltin kellhom wirjiet tajbin bl-esperjenza fi Bridlington li se sservihom għall-kompetizzjoni mondjali li se ssir f’Malta lejn l-aħħar ta’ din is-sena.