Internazzjonali

Wara l-kroll tal-pont f’Baltimore: Jirkupraw il-katavri mix-xmara fost sitwazzjoni diffiċli

Il-bugħaddasa fl-Istati Uniti li qed ifittxu għall-katavri tan-nies li kienu fuq il-pont ta’ Baltimore  meta daħal fih il-vapur tal-merkanzija reġistrat Singapore, qalu li ma jistgħux ikomplu t-tfittxija b’sens ta’ sigurtà minħabba l-ammont ta’ konkrit, metall u materjal ieħor li hemm bħalissa fix-Xmara Patapsco.

Il-pont kien ikkrolla direttament fix-xmara bl-impatt tal-bastiment irreġistrat Singapore matul il-lejl tat-Tnejn u t-Tlieta. L-aħħar rapporti, issa, qalu li l-iskwadri tal-bugħaddasa rkupraw żewġ irġiel mejtin li kienu fi trakk ‘pickup’ li spiċċa f’qigħ ix-xmara.

Hu mifhum li tal-lanqas tmien ħaddiema tal-kostruzzjoni kienu fuq il-pont fil-ħin tal-inċident, waqt li tnejn minnhom kienu salvati xi sigħat wara. It-tfittxija kompliet għall-erbgħa l-oħra li jidhru li kollha tilfu ħajjithom.

Fl-istess ħin, hemm ukoll l-iskwadri speċjalizzati li qed jaħdmu biex inaqqsu mill-periklu tal-materjal li spiċċa fix-xmara – bl-awtoritajiet jidentifikaw il-katavri fit-trakk bħala ċittadini tal-Messiku u l-Gwatemala. Intant, uħud mill-persuni rappurtati neqsin huma mill-Ħonduras u l-El Salvador.

L-iskwadri tal-emerġenza f’Baltimore anki qed jużaw it-tagħmir speċjalizzat għal sonar scans u qed jaħsbu li jista’ hemm aktar katavri f’numru ta’ vetturi li spiċċaw fi speċi ta’ qafas tal-metall u konkrit li  ċedew mill-pont bil-forza tal-impatt mill-vapur.