Żewġt irġiel Taljani ġew arrestati mill-Pulizija ftit mumenti biss wara li allegatament serqu vettura minn Wied il-Għajn.
Il-Ħamis fl-għaxra ta’ bil-lejl, xħin sar rapport fl-Għassa ta’ Wied il-Għajn, li persuni mhux magħrufa serqu vann tal-għamla Toyota Dyna minn Triq ix-Xnejn Abjad, Wied il-Għajn. Ftit mumenti biss wara li sar ir-rapport, waqt ronda li l-Pulizija kienu qegħdin jagħmlu, innutaw l-imsemmi vann fi Triq San Anard, Ħal Tarxien u waqfuh.
Immedjatament, iż-żewġ persuni li kienu fil-vann ġew arrestati u ġew identifikati bħala Taljan ta’ 24 sena residenti ix-Xgħajra u Taljan ta’ 52 sena residenti Wied il-Għajn.
Iż-żewġt irġiel qegħdin jinżammu arrestati fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.
//= $special ?>