Lokali

F’jum il-Ġimgħa l-Kbira, NET FM jippreżenta Miserere Songs of Mercy and Redemption ta’ Karl Jenkins

Fl-2019, il-kompożitur maħbub minn Wales Sir Karl Jenkins ħareġ album b’tema dwar it-tbatijiet li ġarrbu bosta nies u ġnus sħaħ minħabba gwerer u kunflitti mdemmija fil-Lvant Nofshani għal dawn l-aħħar 70 sena. L-album jismu Miserere -Songs of Mercy and Redemption u ħareġ għall-bejgħ fil-ħarifa ta’ dik is-sena permezz tal-kumpanija Decca Records.

Sir Karl Jenkins kien immotivat minn nies li għaddew, u għadhom jgħaddu minn sitwazzjonijiet koroh u ta’ disprament, għax jispiċċaw vittmi ta’ gwerer, ideoloġiji u twemmin, nuqqas ta’ demokrazija u anke korruzjoni. Ħafna drabi, jkunu sfurzati jaħarbu minn arthom u jispiċċaw f’kampijiet ta’ rifuġjati, f’kundizzjonijiet mill-agħar u jsofru minn nuqqasijiet tal-iktar affarijiet bażiċi fil-ħajja ta’ kuljum, bħall-ilma u l-ikel. F’dar-rigward u għalhekk, permezz ta’ din il-kompożizzjoni, Sir Karl Jenkins xtaq jgħaddi messaġġ ta’ paċi, tolleranza, u ġustizzja bejn ġnus, komunitajiet, fehmiet u twemmin differenti.

Hemm mużika varjata u mill-isbaħ f’dan ix-xogħol. Kif mistenni, hemm mużika mill-Lvant Nofshani u strumenti tan-nifs bħal mey, kif ukoll il-kanun, li hu strument tal-korda, barra l-użu estensiv tal-perkussjoni. Insibu wkoll testi letterarji mill-Aramajk, il-lingwa li biha kien jitkellem Ġesu’ Kristu, kif ukoll użu tal-Ebrajk u l-Għarbi.

Ir-riferenzi letterarji ġejjin minn Salm Numru 51 li hu Salm tar-Re David u li jitlob lill-Mulej biex jaħfirlu n-nuqqasijiet tiegħu li ġabu ħafna nkwiet u diżordni. Huwa salm popolari ħafna li kemm-il darba ntuża minn kompożituri bħal Bach, Pergolesi u Allegri fi żmien il-Mużika Barokka, kif ukoll Giuseppe Verdi fl-era Romantika, u fi żminijiet iktar riċenti, mill-kompożitur Pollakk Hendryck Gorecki, kif ukoll Arvo Pert mill-Estonja. Hemm ukoll riferenzi għall-kitba ta’ Rumi, poeta u filosofu Musulman Sunni Persjan li għex fis-seklu 13. Carole, mart Karl Jenkins, addattat dawn ir-riferenzi għal dan ix-xogħol, u qegħdin fil-moviment li jagħlaq il-Miserere, moviment li jismu Contemplation and Benediction. Fil-Miserere jieħdu sehem ukoll il-kontro-tenur Lestin Davies u ċ-ċellista prolifiku mill-Afrika t’Isfel Abel Selacoe. Hemm ukoll il-Polyphony Orchestra mmexxija minn Steve Leyton. Il-premiere tal-Miserere seħħ nhar it-13 ta’ Ottubru 2019 fir-Royal Albert Hall. Dakinhar Sir Karl Jenkins għalaq 75 sena. Jenkins kien ukoll fostna hawn Malta u mexxa l-Orkestra Filarmonika Maltija f’kunċert ta’ xogħlijiet tiegħu li wkoll ittratta l-paċi, u li jismu The Peacemakers. Dan seħħ f’Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta f’Mejju tal-2013.