Internazzjonali Kurżitajiet

Għala jinbidel il-ħin darbtejn fis-sena?

Nhar il-Ħadd 31 ta’ Marzu 2024, mat-tokki tas-2am, il-ħin se jinbidel għat-3am. Filwaqt li nhar il-Ħadd 27 ta’ Ottubru 2024, mat-tokki tat-3am, l-ħin se jinbidel għas-2am. L-arloġġi jinbidlu f’dati differenti kull sena skont kif jaqa’ x-xahar… l-arloġġi dejjem imorru ‘l quddiem siegħa fl-aħħar Ħadd ta’ Marzu, u lura siegħa fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru.

Iżda għala jsir dan?

Din l-idea ġiet mill-bennej Ingliż William Willett, li b’kumbinazzjoni huwa l-buż-buż-nannu tal-kantant tal-grupp Coldplay Chris Martin! Huwa maħsub li kien jiddejjaq li l-ħin li fih kien jilgħab il-golf kien jiġi interrott bix-xemx tinżel, u b’hekk għalhekk ried ibiddel il-liġi biex jiżgura li jkun hemm aktar dawl filgħaxija.

Hu kompla l-kampanja tiegħu biex ibiddel il-ħin sakemm miet bl-influwenza f’Marzu 1915, iżda ma kinitx l-imħabba tiegħu għall-golf li pperswadiet lill-Parlament Ingliż. Fir-rebbiegħa tal-1916, matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-armata Ġermaniża dawwret l-arloġġi ‘l quddiem bħala mod kif jikkonservaw l-enerġija. Diversi Parlamenti fl-Ewropa u madwar id-dinja ħadu din l-idea ftit żmien wara.

F’Marzu 2019, il-Parlament Ewropew ivvota biex itemm din il-prattika, bl-istati membri jridu jiddeċiedu jekk humiex se jibqgħu permanenti fil-ħin tax-xitwa jew tas-sajf sal-aħħar tal-2021. Madankollu, ir-riforma twaqqfet temporanjament.