Internazzjonali

Il-Polonja: Iwissi li l-Ewropa tinsab fuq l-għatba ta’ gwerra

16.06.2014 Warszawa . Premier Donald Tusk podczas konferencji prasowej dotyczacej afery podsluchowej . Fot. Adam Stepien / Agencja Gazeta

Il-Prim Ministru tal-Polonja, Donald Tusk, wissa biċ-ċar lill-Ewropa li l-kontinent, bħalissa, għaddej mill- ‘fażi ta’ qabel gwerra’ u li l-ebda Ewropew ma jista’ iħossu sikur f’sitwazzjoni fejn l-Ukrajna tispiċċa titlef il-gwerra mar-Russja.

Ir-rimarki ta’ Tusk, eks President tal-Kunsill Ewropew, ingħataw waqt li l-qawwiet Russi kienu qed jiftħu baraxx ieħor ta’ missili għal fuq l-ibliet tal-Ukrajna. Dan fi żmien meta l-Kremlin ta’ Moska qed iżid il-bumbardamenti bil-ħsieb li joqtol l-ispirtu tal-Ukreni biex jirreżistu l-invażjoni ta’ pajjiżhom mit-truppi ta’ Vladimir Putin.

Tusk qal li ma jrid ibeżża’ lil ħadd bi kliemu iżda, fl-istess ħin, sostna li l-Ewropej iridu jaċċettaw li l-gwerra mgħadhiex xi kunċett mill-passat. U f’kummenti lill-media Ewropea, il-Prim Ministru Pollakk insista li ‘it-theddida tal-gwerra hi reali ħafna minbarra li hi waħda li kompliet tirranka għal dawn l-aħħar sentejn’.

Sadanittant u waqt li r-Russi qed jintensifikaw il-bumbardamenti fuq l-Ukrajna, il-qawwiet tal-ajru Ukreni sostnew li rnexxielhom iwaqqgħu l-għexieren tal-missili u d-drones immirati lejn l-ibliet tagħhom.

Madankollu, il-Prim Ministru Ukren, Denys Shmyhal, qal li l-infrastruttura għall-enerġija ġarrbet il-ħsarat f’sitt reġjuni lejn iċ-ċentru, il-punent u l-lvant tal-Ukrajna.

Il-Prim Ministru Tusk, sadanittant, qal li Vladimir Putin diġà waħħal fl-Ukrajna għall-attakk terroristiku ta’ ġimgħa ilu mill-ġiħadisti tal-ISIS fuq il-kumpless tal-kunċerti f’Moska li ssarraf fl-għexieren tal-mejtin  u midruba.

U fi kliem Tusk, Putin qed jagħmel minn kollox biex jakkuża lill-Ukrajna b’sehem fit-terrur biex jiġġustifika l-attakki vjolenti regolari fuq il-miri ċivili fl-Ukrajna.

Xejn aktar allarmanti, skont Tusk, hu l-fatt li r-Russja, jiem ilu, wettqet l-ewwel attakk fuq Kiev bil-missili ħipersoniċi  u li kien tmexxa fid-dawl tax-xemx.

Donald Tusk kien qed ikellem lill ġurnalisti barranin għall-ewwel darba mindu rritorna bħala Prim Ministrui Pollakk fl-aħħar tas-sena l-oħra. Intant, hu wassal ukoll appell dirett lill-Mexxejja tal-Ewropa biex huma jieħdu l-passi kollha neċessarja lejn it-tisħiħ tad-difiżi u biex l-Ewropa taħdem aktar fuq pjan biex iżżid il-kapaċitajiet tagħha fuq livell kollettiv u fid-dawl tat-theddid mill-pajjiżi ostili li huma realtà fid-dinja tallum.