Internazzjonali

In-NU: Il-Qorti f’The Hague tordna lil Iżrael biex jippermetti t-trasport tal-ikel u għajnuna medika lin-nies ta’ Gaza

L-Ogħla Qorti tan-Nazzjonijiet Uniti ħarġet direttiva biex Iżrael jiffaċilita t-trasport tal-għajnuna lejn in-nies ta’ Gaza li qegħdin f’xifer li jmutu bil-ġuh.

Il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, f’deċiżjoni unanima, qalet li Iżrael kellu jieħu passi immedjati ‘u mingħajr telf ta’ żmien’ biex jippermetti l-proviżjoni, bla xkiel, tal-aktar servizzi bażiċi u għajnuna umanitarja lill-Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza.

Dan wara sensiela ta’ twissijiet urġenti li l-poplu ta’ Gaza jista’ ibati ġuh totali fi kwistjoni ta’ ġimgħat—b’Iżrael qed jikkuntesta l-allegazzjonijiet li qed jimblokka l-għajnuna liċ-ċivili Palestinjani fit-territorju. Fil-fatt, stqarrija xotta min-naħa tal-Iżraeljani sostniet li ‘dawn huma kollha allegazzjonijiet infodati’.

Il-Ministeru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, fl-istess ħin, qal li Iżrael qed ikompli jippromwovi l-inizjattivi ġodda u jespandi s-sistemi eżistenti biex jippermetti ċ-ċirkolazzjoni kontinwa tal-għajnuna mill-art, l-ajru u l-baħar lill-Palestinjani ta’ Gaza.

Iżrael anki insista li qed jaħdem għal dan b’kollaborazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u entitajiet oħrajn u meta qed jinsisti wkoll li t-terroristi tal-Ħamas jaħtu għal din is-sitwazzjoni u għall-gwerra ta’ Gaza li ilha għaddejja x-xhur.

L-aħħar digriet mill-Qorti ta’ The Hague ħareġ wara li l-Afrika t’Isfel kienet talbitha  tissostanzja digriet li kien ħareġ f’Jannar lil Iżrael biex jieħu l-miżuri kollha ħalli jevita l-azzjonijiet ta’ ġenoċidju f’Gaza.

L-Afrika t’isfel qalet li għandha obbligu li taġixxi biex tevita l-ġenoċidju bħala firmatarju għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għal kontra l-Ġenoċidju introdotta fl-1948 – ftit snin wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dan il-pajjiż hu fost l-akbar kritiċi tal-kampanja militari tal-Iżraeljani f’Gaza u meta l-Kungress Nazzjonali Afrikan (ANC) fil-Gvern għandu storja twila ta’ solidarjetà mal-kawża tal-Palestinjani.

Iżda waqt li d-direttivi tal-Qorti f’The Hague għandhom saħħa legali, din il-qorti mgħandhiex il-poter biex tinfurzahom. Dan meta l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biss, minn fost l-entitajiet kollha tan-NU, jista’ jintroduċi l-miżuri biex jaċċerta l-kooperazzjoni ta’ pajjiż ma’ kwalunkwe direttiva.