Internazzjonali

Is-Sirja: L-Iżraeljani jwettqu ‘l-akbar attakk f’jum’ fuq il-qawwiet tar-reġim…u l-miri tal-Ħeżbollah

Iżrael mhux jikkummenta dwar l-akkużi li l-qawwiet tal-ajru tiegħu qatlu ‘il fuq minn 40 – militar u anki ċivili – waqt rejd fuq l-artijiet lejn il-majjistral tas-Sirja.

Il-Ministeru tad-Difiża Sirjan qal li l-ajruplani tal-Iżraeljani konċentraw fuq diversi siti qalb il-kampanja ta’ Aleppo waqt li l-osservaturi barranin sostnew li l-ajruplani laqtu wkoll depot tal-armi tal-grupp Ħeżbollah magħmil mill-militanti Xiti Lebaniżi.

L-osservaturi qalu li l-azzjoni swiet il-ħajja ta’ diversi suldati tar-reġim Sirjan flimkien ma’ xi suldati tal-Ħeżbollah. Ingħad, ukoll, aktar tard, li fl-attakki nqerdu l-faċilitajiet tal-qawwiet tal-ajru Sirjani lejn ix-xlokk ta’ Aleppo.

Il-Ħeżbollah u l-Iran – it-tnejn alleati kbar tas-Sirja – jopponu l-eżistenza ta’ Iżrael u meta fil-preżent eskalaw l- attakki u bumbardament bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-Ħeżbollah i fl-inħawi tal-fruntiera (Iżraeljana) mal-Libanu.