Lokali

Inġabret is-somma ta’ €3,177,135 b’risq Puttinu Cares

Festa oħra ta’ solidarjeta, propju f’jum il-Ġimgħa l-Kbira. Maratona li matulha – grazzi għall-poplu Malti u Għawdxi – inġabret is-somma totali ta’ €3,177,135 b’risq Puttinu Cares; somma li hija waħda rekord.

Kien għall-ħabta tad-9 tal-Ġimgħa filgħodu, x’ħin bdiet il-maratona ta’ Puttinu Cares. B’dawn id-donazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi, din l-għaqda tista’ tagħti għajnuna lil aktar pazjenti li jkollhom bżonn isiefru l-Ingilterra għall-kura kontra l-kanċer.

Waqt din il-maratona tkellem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illi saħaq fuq l-importanza ta’ Puttinu Cares għal pajjiżna.

Tkellmet ukoll is-sinjura Anne Marie Grech li sostniet l-ħtieġa li kulħadd jibqa’ jgħin lil din l-organizazzjoni tant importanti.

Il-maratona ixxandret fuq l-istazzjonijiet lokali kollha, fosthom fuq Net TV.

U issa, din l-għaqda se tkun tista’ tkompli taħdem fuq il-proġett li tħabbar fl-10 ta Ġunju tal-2022 meta sar l-iffirmar mill-Fondazzjoni Puttinu Cares għax-xiri ta’ propjetà ohra ghal pazjenti fiċ-ċentru ta’ Londra.

Dakinhar il-President tal-għaqda, Angele Cuschieri u l-Kap Eżekuttiv, Rennie Zerafa iffirmaw uffiċjalment biex tinxtara din il-propjetà li se tikkonsisti fi 23 appartament għall-użu b’xejn tal-pazjenti Maltin u Għawdxin u l-qraba tagħhom.

Dan il-proġett, fiċ-ċentru ta’ Londra, huwa stmat li se jiġi jiswa’ madwar 20 miljun sterlina sabiex jitlesta. Il-binja se tkun imsemmija għat-tabib Victor Calvagna.

Intant, din il-ġimgħa wkoll, saret il-mixja annwali b’risq Puttinu Cares, fejn kull parteċipant għamel donazzjoni lill-Puttinu.