Lokali Qorti

Student tal-MCAST li deher f’filmat fuq il-media soċjali jitlob lill-pulizija biex tinvestiga l-aġir ‘abbużiv’ tal-lettur

L-istudent li ġie rrekordjat iħebb għall-lettur tiegħu fl-MCAST wara li qallu biex joħroġ mill-klassi ressaq ilment, fejn talab lill-pulizija biex tinvestiga l-“abbuż” mill-lettur tiegħu. F’ilment ippreżentat f’jum il-Ġimgħa l-Kbira, l-istudent sostna li għandu l-kundizzjoni tal-ADD u l-ADHD, li ħoloq żvantaġġ fit-terminu edukattiv tiegħu matul is-snin.

Il-kwerela tgħid li kaġun dawn il-kundizzjonijiet, l-istudent dejjem sabha bi tqila li jlaħħaq mal-bqija ta’ sħabu fuq livell akkademiku iżda frott l-għajnuna li sab minn varji professjonisti tul is-snin u frott ukoll l-appoġġ kontinwu tal-ġenituri tiegħu – li nzertaw ukoll edukaturi, hu rrifjuta li jaqta’ qalbu u minflok kompla jagħmel ħiltu fil-vjaġġ edukattiv tiegħu.

Permezz tal-avukati tiegħu, l-istudent sostna li l-lettur li deher fil-filmat ripetutament jipprova jumiljah quddiem sħabu tal-klassi, effettivament spiċċa biex keċċieh u ddemoralizzah. Dan wassal għal “tbatija emozzjonali u mentali” li sofra minnha l-istudent. Dan l-argument seħħ fl-20 ta’ Marzu li għadda.

L-avukati tal-istudent qalu li dak li deher fil-filmat kien il-qofol ta’ atmosfera tossika mrawma mill-lettur, li rriżultat minn għajjat bla bżonn u lingwaġġ indiċenti dirett lejn l-istudent. Dakinhar tal-inċident, l-istudent ikkonfronta lill-lettur tiegħu dwar data ta’ eżami, peress li l-lettur ma aċċettax dan il-konfront, dan wassal biex biex keċċa lill-istudent mill-kamra.

Skont l-ilment, iż-żagħżugħ żamm kalm filwaqt li l-lettur tiegħu baqa’ jgħajjat b’mod aggressiv hekk kif ipprova jintimida lill-istudent. L-għalliem allegatament sabbat idu fuq il-mejda tal-istudent u għaffiġġlu l-karti tiegħu, provokazzjoni li ma kinitx tidher fil-filmat.

L-ilment jgħid ukoll li qabel ma beda l-filmat, l-għalliem imbutta l-iskrivanija taż-żagħżugħ u kien il-lettur li aggredih l-ewwel, u dan wassal biex l-istudent jirritalja. Din l-imġieba kienet deskritta mill-avukati tal-istudent bħala waħda “abbużiva.”

Il-kwerela tgħid ukoll li meta l-istudent beda bl-istudji tiegħu ġewwa l-MCAST fil-kors ta’ “Advanced Diploma in Sports” (Development Coaching & Fitness) kellu jiġi assenjat “Learning Support Educator.” Tenna li biss ġara li meta beda l-MCAST, f’ambjent kompletament differenti minn dak tas-sekondarja, minkejja li kien għal qalbu f’dan il-kors, sfortunatament beda jsibha kemxejn diffiċli li jsib saqajh.

L-istudent qed jagħid ukoll li ‘module’ partikolari f’dan il-kors huwa mgħallem mill-edulatur inkwistjoni u monflok ra kif għamel sabiex jiddentifika l-limitazzjonijiet fil-ħiliet tiegħu u jindirizzahom, ra monflok kif jagħmel sabiex jumiljah, anke quddiem sħabu tal-kors. Qal li din kienet xi ħaġa ripetuta.

Saħaq li l-mod kif kien qed jiġi trattat, huwa simili ta’ bullying fejn qal li l-lettur tiegħu umiljah bi kliem bħal “ma tistħix minn Alla” u li baqa’ jinsisti miegħu biex jitlaq mill-klassi u dan kollu għamlu b’ton aggressiv. L-istudent qed ikun rappreżentat mill-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magrio u Wilfrid Buttigieg.