Futbol Sport

Birkirkara fis-semi finali b’rebħa fuq Ħamrun wara l-għoti tal-penalties

(Ritratt: Joseph Galea)

Andrè Muscat

BIRKIRKARA…………………………. 2 (4)

ĦAMRUN SPARTANS………….. 2 (3)

Birkirkara: M. Zapytowski (A. Sylla 120’), E. Pepe, P. Mbong (M. Maia 100’), A. Zammit (A. Ciolacu 79’), K. Zammit, A. Satariano (E. Sarpong 110’), E. Beltre, N. Micallef, A. Coppola, S. Zibo, A. Diakite

Ħamrun Spartans: F. Marchetti, S. Borg (C. Rutjens 109’), L. Montebello (R. Camenzuli 75’), J. Mbong, R. Prsa, E. Freitas (E. Domingos 46’), U. Duranovic, O. Bjelicic, J. Corbolan, E. Marcelina, R. Jonny

Imwissija: E. Pepe 28’ (B), O. Bjelicic 45+5 (Ħ), N. Micallef 68’ (B), M. Zapytowski 74’ (B),

Tkeċċew: A. Diakite 98’ (B), U. Duranovic 98’ (Ħ)

Skorjaw: U. Duranovic 43’ 74’p (Ħ), A. Satariano 45+3 (B), S. Borg 68’ OG (B)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: James Muscat u Duncan Spencer

Il-Mument Plejer tal-logħba: Uros Duranovic (Ħamrun Spartans)

Fl-aktar logħba mistennija mill-kwarti finali tal-Izibet FA Trophy kienu Birkirkara li għamluha mal-aħħar erba’, hekk kif rebħu lil Ħamrun Spartans bl-għoti tal-penalties wara 120 minuta logħob fl-Istadium Nazzjonali.

Fl-ewwel sekondi tal-partita rajna lil Ħamruniżi jiftħu fuq l-offensiva, hekk kif għaddew ftit sekondi u rajna lil goalkeeper Pollakk ta’ Birkirkara jkun impenjattiv wara li salva xutt ta Duranovic.

Fis-16 il minuta ħarba ta’ Jonny mill-lemin bil-plejer jitfa’ kross lejn in-nofs, tkun finta ta’ Duranovic bil-ballun jispiċċa f’saqajn Prsa, bl-Ungeriz jfajjar xutt minn tarf il-kaxxa l-kbira bil-ballun jgħaddi jħakkek mal-wieqfa.

L-ewwel periklu għal Kalkariżi jasal man-nofs siegħa logħob, korner mill-lemin ta’ Andrea Zammit isib lit-Taljan Coppola b’dan tal-aħħar jipprova bir-ras, iżda jsib lil Marchetti attent bil-goalkeeper Ħamruniż idawar f’korner.

Kien Duranovic li fit-43 minuta li fetaħ l-iskor għall-Ispartans meta freekick mix-xellug, sammar il-ballun max-xibka biex seta’ jitfa’ lis-supporters Ħamruniżi f’delirju ta’ ferħ.

L-iżvantaġġ għal Birkirkara dam biss 4 minuti, meta żewġ minuti fuq il-ħin regolamentari kien b’azzjoni personali ta’ Alex Satariano, bil-Karkariż ifajjar ġmiel ta’ xutt minn 30 metru bogħod biex il-ballun spiċċa wara Marchetti, u jġib id-draw fil-konfront kontra Ħamrun Spartans.

B’taqsima b’ħafna logħob mill-isbaħ mat-tisfira ta’ tmiem l-ewwel taqsima ta’ Trustin Farrugia Cann, iż-żewġ timjiet daħlu jistrieħu f’parita ta’ 1-1.

Fil-50 minuta kienu Ħamrun li jersqu viċin li jerġgħu jmorru minn fuq. Kien Corlbolan mill-lemin jitfa’ kross fejn isib lil Duranovic li għola fuq kulħadd bit-tentattiv tiegħu bir-ras jiġi salvat mill-goalkeeper Pollakk ta’ Birkirkara.

Fil-61 minuta Ħamrun jiskurjaw permezz ta’ Bruno, iżda ir-referee Farrugia Cann iħassar għal foul tal-istess Bruno fuq Coppola.

Birkirkara jippressaw u fil-65 minuta jmorru fil-vantaġġ. Kien Neil Micallef li jagħdi l-ballun lejn Paul Mbong, b’dan tal-aħħar jipprova x-xutt tiegħu fejn bl-għajnuna tal-captain Ħamruniż il-ballun spiċċa wara Marchetti.

Din id-darba jkun l-Ispartans jagħmlu l-iskor indaqs, meta fit-72 minuta kienu mogħtija penalty għal foul fuq Roko Prsa, jinkariga ruħu mill-penalty Duranovic li dan tal-aħħar b’penalty mill-isbaħ jagħmel id-dopjetta personali u jġib id-draw għal Ħamrun Spartans.

F’logħba mill-aktar bilanċjata tasal it-tisfira tripla ta’ Trustin Farrugia Cann, tisfira li se ħadet il-partita għan-nofs siegħa ta’ ħin barrani.

Mal-100 minuta logħob kien Jonny li prova xutt minn posizzjoni angolata bil-ballun jagħdi ftit barra.

Fl-ewwel kwarta tal-ħin barrani l-iskor baqa’ f’parita ta’ 2-2.

Għal ħafna ħin it-tieni taqsima tal-ħin barrani kienet karateristikata minn ħafna waqfien ħabba għajja li bdiet taħkem lil plejers rispettivi taż-żewġ timijiet. Biex mat-tisfirra finali morna għal-lotterija tal-penalties.

Għal Birkirkara skurjaw, Maxuel Maia, Andrei Ciolacu, Neil Micallef, Alessandro Coppola

Għal Ħamrun Spartans skurjaw, Emerson Marcelina, Christian Rutjens, Jospeh Mbong,

Għal Birkirkara falla Zibo, kif għal Ħamrun Spartans fallew Jonny u Bjelicic.

Elionay Freitas ta’ Ħamrun ippressat minn Ali Diakite’ ta’ Birkirkara (Ritratt: Joseph Galea)