Knisja Lokali

Illejla 14-il adult ħa jitgħammdu mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

Matul iċ-ċelebrazzjoni ta’ Sibt il-Għid waqt il-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra s-Sagramenti tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija lil 14-il katekumenu, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l-ħajja Nisranija. L-14-il adult, li llejla b’dawn is-sagramenti se jsiru membri ġodda tal-Knisja Kattolika, huma mill-Albanija, iċ-Ċina, l-Indja, il-Kolumbja, Mauritius, r-Renju Unit kif ukoll Malta

Matul ir-Randan, dawn il-persuni ltaqgħu mal-Arċisqof bi tħejjija għal dan il-mument importanti f’ħajjithom. Waħda minnhom hi Manisha, imwielda f’Mauritius u li trabbiet f’familja bi twemmin Hindu. Minn meta kienet żgħira esperjenzat diversi kriżijiet spiritwali u ħasset il-ħtieġa ta’ xi ħaġa iktar profonda. Iżda kollox inbidel tmien snin ilu, meta ġiet tgħix Malta u mdawra b’ħafna knejjes u kappelli, għelbitha l-kurżità u daħlet fihom. Ġurnata wara l-oħra ħasset il-preżenza ta’ qawwa kbira u bdiet tqatta’ iktar ħin titlob fil-paċi.

Is-sejħa biex tikkonverti għall-Kattoliċiżmu saret iktar b’saħħitha meta tgħallmet dwar in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta. Bdiet taqra fil-fond il-Bibbja u permezz tagħha skopriet l-indiema, il-maħfra, is-salvazzjoni u s-sagrifiċċju li Ġesù għadda minnhom sabiex isalva l-bniedem. F’dawk il-mumenti rrealizzat li titlob lil ħafna allat u idoli mhijiex ir-reliġjon li xtaqet tkompli tħaddan. F’Malta, Manisha saret ħbieb ma’ mara li kienet tħeġġiġha ssir Kattolika, u llejla se tkun il-parrina tagħha.