Illum is-Sibt, 30 ta’ Marzu 2024, jimmarka bħala l-aktar jum iswed għal-linja nazzjonali tal-ajru AIRMALTA hekk kif se tkun qed tagħmel l-aħħar vjaġġi tagħha u minn għada tagħmel il-wisa’ għall-kumpanija ġdida KM Malta Airlines.
Is-sħab iswed kien ilu żmien jidher fuq il-kumpanija, minkejja li fl-2019 l-Eks Ministru Laburista Konrad Mizzi kien qal li l-Air Malta kienet qed tagħmel profitt. Sa erba’ snin wara, sforz tmexxija ħażina u irresponsabbli u nuqqas ta’ pjan serju għall-futur tagħha – li wassal għal inċertezzi kbar anki għall-ħaddiema – dan il-profitt mhux biss sfuma fix-xejn imma f’Ottubru li għadda kien konfermat il-falliment tal-kumpanija.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet saret fit-2 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana ammetta li l-Air Malta fl-aħħar snin kienet dominata mill-inċertezza u ħabbar li l-impjegati mal-linja nazzjonali tal-ajru se jkunu mitluba japplikaw mill-ġdid mal-kumpanija l-ġdida li se tibda topera proprju minn għada l-Ħadd.
Dakinhar stess tal-konferenza tal-aħbarijiet li matulha waslet il-konferma tal-falliment tal-Air Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem fil-Parlament u qal li l-Gvern Laburista hu responsabbli għall-għeluq tal-Air Malta għax kien hu li fallieha.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ressaq talba biex issir diskussjoni urġenti dwar l-Air Malta għaliex dan hu suġġett ta’ interess nazzjonali urġenti.
Fid-diskors tiegħu Bernard Grech kien qal li l-Prim Ministru Robert Abela se jibqa’ mfakkar bħala l-Prim Ministru li falla l-Air Malta u qered il-viżjoni ta’ Mintoff.
Hu staqsa kif il-Prim Ministru se jiggarantixxi li wara l-31 ta’ Marzu 2024 il-linja l-ġdida se tkun qed tagħti lill-pajjiż is-servizz, kif se tkun is-sieħeb strateġiku fl-aspett turistiku, kif il-Gvern se jiggarantixxi lill-ħaddiema l-futur tagħhom u kif se jibqa’ jingħata s-servizz soċjali lill-poplu Malti.
L-ajruplani tal-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta se jkunu qed jitfu l-magni tagħhom illum, jumejn biss qabel l-Air Malta kellha tiċċelebra l-50 anniversarju tagħha mill-ewwel vjaġġ tagħha, fl-1 ta’ April tas-sena 1974. Dakinhar l-ewwel ajruplani tal-Air Malta kienu taru lejn Londra, Birmingham, Manchester, Ruma, Frankfurt, Pariġi u Tripli. L-Air Malta kienet twaqqfet b’riżoluzzjoni mill-Kamra tar-Rappreżentanti fil-21 ta’ Marzu tal-1973 u kienet reġistrata bħala kumpanija fit-30 ta’ Marzu 1973.


Komunikat fuq il-websajt tal-Air Malta javża li l-bookings kollha tal-klijenti li laħqu bbukkjaw titjira għal wara l-31 ta’ Marzu, ġew kanċellati u l-Air Malta se tirrifondi l-flus imħallsa għal dawn il-vjaġġi. Madankollu l-flus lura lil dawn il-klijenti mhux se jingħataw qabel Novembru li ġej.
Tagħmilha ċara wkoll li l-biljetti bbukkjati ma jistgħux jiġu trasferiti għal vjaġġi oħra mill-kumpanija l-ġdida.
//= $special ?>