Knisja Lokali

Lejliet l-akbar festa tal-Insara

It-tridu tal-Għid jilħaq il-qofol tiegħu propju f’Sibt il-Għid, bil-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet.

Fil-qalba tal-Għid, il-poplu Nisrani jiċċelebra il-qawmien ta’ Ġesu Kristu ċelebrazzjoni tar-rebħa fuq il-mewt wara li ssallab fil-Ġimgħa l-Kbira, u miet mat-tokki tat-tlieta waranofsinhar. Bl-Insara jiċċelebraw ir-rebħa tad-dawl fuq id-dlam.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili twassal għal Ħadd il-Għid, li hi l-akbar Festa tal-Knisja bit-tifkira tal-Qawmien mill-Mewt ta’ Kristu u t-twelid mill-ġdid tal-bniedem għall-Ħajja ta’ Dejjem.Fil-knejjes ta’ Malta u Għawdex, illejla, isiru il-funzjonijiet b’liturġija unika li tinkludi ċ-ċelebrazzjoni tal-Magħmudija wara l-Liturġija tal-Kelma.

Din iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili fiha erba’ taqsimiet li jinkludu t-Tberik tan-Nar, il-mixegħla tal-blandun u t-tħabbira tal-Għid, il-Liturġija tal-Kelma, il-Liturġija tal-Magħmudija u l-Liturġija tal-Ewkaristija.

Illejla, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser jiċċelebra s-Sagramenti tad-Dħul fil-Ħajja Nisranija lil 14-il katekumenu jiġifieri persuni li f’eta adulta jagħżlu l-ħajja Nisranija. Dawn l-14-il adult li llejla se jsiru membri ġodda tal-Knisja Kattolika huma mill-Albanija, ċ-Ċina, l-Indja, il-Kolumbja, Mauritius, r-Renju Unit kif ukoll Malta.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Vġili tal-Għid, immexxija mill-Arċisqof Scicluna, tibda bit-tberik tan-nar li jsir fuq iz-zuntier tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u tkompli bit-tħabbira tal-Għid; wara il-qari ta’ siltiet mill-Kotba Mqaddsa u wara t-tħabbira tal-Evanġelu jsir it-tberik tal-ilma, jiġifieri meta l-blandun mixgħul min-nar imbierek fuq iz-zuntier jiddaħħal fl-ilma; u l-liturġija tal-Ewkaristija.

Bl-ilma mbierek jitgħammdu l-katekumeni li jirċievu wkoll il-Griżma tal-Isqof biż-żejt tal-Griżma li ġie kkonsagrat nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu. Waqt l-istess Vġili, imbagħad l-imgħammdin ġodda jirċievu t-tqarbin. Fil-Knisja Kattolika dawn is-sagramenti huma l-pedament li fuqhom tinbena l-ħajja tal-membri tagħha u li jħejju t-triq għas-sagramenti l-oħra.

Intant, il-Ġimgħa, fl-aħħar mumenti qabel il-funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Kolossew għar-rit tradizzjonali, il-Vatikan ħareġ bl-aħbar li l-Papa Franġisku ma kienx ser ikun preżenti biex jippreserva saħtu għall-Velja ta’ Sibt il-Għid u l-quddies ta’ Ħadd il-Għid. Minflok, huwa segwa l-funzjoni minn Casa Santa Marta.