Lokali

Numru ta’ persuni interrogati b’rabta ma’ ġlieda li seħħet f’residenza f’Ħaż-Żebbuġ

Numru ta’ persuni qed jiġu interrogati mill-Pulizija wara li daħal rapport li dalgħodu seħħet ġlieda f’residenza privata f’Ħaż-Żebbuġ.

Jidher li kollox beda minn argument bejn grupp ta’ persuni fir-residenza li tinsab f’Misraħ San Filippu, quddiem il-Knisja ta’ Ħaż-Żebbuġ, bil-Pulizija kellha tintervjeni għall-ħabta tal-10:30 am.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News qalu kif persuna nvoluta fil-ġlieda pprovat taħrab mill-post minn fuq il-bejt tar-residenza. Madanakollu, jidher li l-Pulizija intervjenew qabel kien tard wisq. Fil-post kien hemm preżenza kbira ta’ Pulizija sakemm is-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal.

Fil-post mar ukoll tim mediku biex jassistu persuna minnhom fejn iktar tard ittieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.

Il-Pulizija għaddejjin bl-investigazzjoni tagħhom dwar dan il-każ, b’ħames persuni li qed jiġu interrogati sabiex jgħinu fl-investigazzjonijiet.