Internazzjonali Knisja

Il-Papa Fraġisku ma kienx preżenti għall-Via Crucis

Fl-aħħar mumenti qabel il-funzjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Kolossew għar-rit tradizzjonali, l-uffiċju stampa tal-Vatikan ħareġ bl-aħbar li l-Papa Franġisku ma kienx ser ikun preżenti biex jippreserva saħtu għall-Velja ta’ Sibt il-Għid u l-quddies ta’ Ħadd il-Għid.

Għalkemm kollox kien lest u l-pubbliku kien qiegħed jistenna bi ħġaru l-preżenza tal-Papa, l-pultruna minn fejn kellha tippresjedi l-Via Crucis baqgħet vojta.

Għall-ewwel darba f’kemm ilu fit-tmexxija, il-Papa kiteb l-meditazzjonijiet li jinqraw waqt il-vjaġġ tas-salib. Huwa ħa din id-deċiżjoni b’rabta mas-Sena tat-Talb; perjodu ta’ riflessjoni li l-Papa sejjaħ b’antiċipazzjoni għas-Sena tal-Ġublew 2025.

Fil-meditazzjonijiet, fost l-oħrajn għamel referenza għat-tfal li qegħdin ibatu minħabba l-gwerrer li qegħdin iseħħu bħalissa madwar id-dinja. Kif ukoll semma’ ukoll t-tbatijiet tad-dinja li jfakkruh fit-telgħa ta’ Kristu fuq il-Kalvarju u l-mewt tiegħu fuq is-salib.

Waqt il-funzjoni tal-Via Crucis, is-salib inġarr minn immigranti, persuni b’diżabilita u nies żvantaġġati.

Intant, il-Papa Franġisku segwa l-funzjoni minn Casa Santa Marta.