Lokali Qorti

Żewġ Taljani ħatja ta’ serqa ta’ vann minn Wied il-Għajn

Żewġ Taljani tressqu l-Qorti u nstabu ħatja li ħatfu u serqu vann li kien f’Wied il-Għajn f’każ li seħħ il-Ħamis għall-ħabta tal-10 pm.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, iż-żewġ imputati, Vincenzo Senzaro u Marco Coniglio ta’ 24 u 52 sena, rispettivament, wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Rapport li kien sar fl-Għassa ta’ Wied il-Għajn kien jgħid li persuni mhux magħrufa serqu vann tal-għamla Toyota Dyna minn Triq ix-Xnejn Abjad. Ftit sigħat biss wara li sar ir-rapport, waqt ronda li l-pulizija kienu qegħdin jagħmlu, innutaw l-imsemmi vann fi Triq San Anard, Ħal Tarxien u waqfuh. Immedjatament, iż-żewġ persuni li kienu fil-vann ġew arrestati.

Fil-Qorti ntqal kif wieħed mill-akkużati jagħmel użu minn siġġu tar-roti filwaqt li t-tnejn għandhom il-vizzju tad-droga.

Il-Maġistrat Mifsud ħa d-deċiżjoni li Senzaro jingħata sentenza ta’ sena priġunerija għar-raġuni li kien il-moħħ wara din is-serqa filwaqt li Coniglio ingħata sentenza ta’ sitt xhur priġunerija. Iż-żewġ imputati ngħataw ordni ta’ trattament għal sentejn b’rabta mal-vizzju tad-droga.