Lokali

Żewġt irġiel arrestati fuq importazzjoni ta’ għasafar protetti

Raġel ta’ 42 sena residenti ż-Żurrieq u ieħor ta’ 57 sena residenti l-Gudja jinsabu arrestati wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet. Huwa maħsub li l-irġiel jiffurmaw parti minn allegat ċirku ta’ kriminalità organiżżata b’rabta ma’ importazzjoni minn barra minn Malta ta’ għasafar protetti, kif ukoll l-ibbalzmar illegali tal-istess speċi.

L-irġiel ġew arrestati aktar kmieni din il-ġimgħa f’żewġ tfittxijiet li saru fl-istess ħin fir-residenzi tagħhom. Miż-żewġ residenzi l-Pulizija elevat seba’ snieter kif ukoll mal-2,500 speċi li kienu diġa’ ibbalzmati.

Fit-tfittxijiet illi saru fir-residenza tar-raġel fiż-Żurrieq, il-Pulizija ikkonfiskat aktar minn 100 karkassi ta’ diversi speċi protetti li kienu ffriżati lesti biex jiġu bbalzmati. Instab ukoll karkassa ta’ African Genet li huwa mammiferu protett, ukoll lest biex jiġi bbalzmat. Fl-istess waqt, fi tfittxija fir-residenza tar-raġel l-ieħor fil-Gudja, instabu 40 karkassa ta’ għasafar fi friża.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.