Festi Knisja Lokali

Il‑Vġili Solenni tal‑Qawmien tal‑Mulej mill‑Imwiet

F’Sibt il-Għid l-Arċisqof għammed 14-il adult li permezz tas‑Sagramenti tad‑Dħul fil‑Ħajja Nisranija (magħmudija, griżma u tqarbin) saru membri tal‑Knisja Kattolika. L-Insara l-ġodda huma mill‑Albanija, iċ‑Ċina, l-Indja, il‑Kolumbja, Malta, Mauritius u r‑Renju Unit. 

Fl-omelija tiegħu nhar Sibt il-Għid, l-Arċisqof Charles Scicluna jirrifletti fuq il-ferħ profond u l-bidla li ġab miegħu l-qawmien ta’ Ġesù. B’referenza għall-ġrajja tan-nisa li marru jidilku l-ġisem ta’ Ġesù iżda sabu qabar vojt għax kien qam mill-mewt, Mons. Arċisqof jenfasizza li l-qawmien ta’ Ġesù jbiddel il-mewt minn ħajt tat-tmiem f’bieb għall-ħajja. Hu jfakkarna li l-qabar ta’ Ġesù hu vojt biex ma nibżgħux mill-mewt, u li permezz tat-tbatija u l-ubbidjenza ta’ Ġesù, “aħna jkollna l-ħajja fil-milja kollha tagħha” li d-dinja ma tistax tagħti. Dan għaliex: “Il-paċi li jagħti Ġesù ħadd ieħor ma jista’ jagħtiha għax il-paċi tiegħu mhix paċi rħisa. Hi l-paċi li ġejja mill-imħabba li ma tibżax mis-salib u mmarkata bl-ubbidjenza lejn il-Missier.”

F’dan il-lejl qaddis, l-aqwa wieħed fost l-iljieli kollha, lill-Insara l-ġodda l-Arċisqof appellalhom biex iġeddu kontinwament l-impenn tagħhom lejn Kristu.