Mietu talanqas għaxra fi splużjoni ta’ karozza bomba fil-qalba ta’ suq iffullat bin-nies fil-belt ta’ Ażaż, fil-provinċja ta’ Aleppo u viċin il-fruntiera tat-Turkija.
Mhux ċar liema grupp kien responsabbli għall-atroċità f’zona tas-Sirja li qed titmexxa mill-milizji favur it-Turkiija u li qegħdin jiġġieldu kontra l-qawwiet tal-President Sirjan , Bashar al-Assad.
Il-qawwiet Torok u entitajiet oħra affiljati magħhom qed jikkontrollaw diversi zoni tas-Sirja viċin it-Turkija u meta inċidenti bħal dawn huma parti minn kampanja terroristika li ilha x-xhur għaddejja fl-inħawi.
Fil-ħin tal-isplużjoni kien hemm numru kbir ta’ familji li kienu qegħdin jixtru l-ħwejjeġ għal uliedhom qabel il-festa ta’ Eid al-Fitr li se tkun iċċelebrata x-xahar id-dieħel…Festa li timmarka tmiem il-Festa tas-Sawm tar-Ramadan għall-Musulmani kollha.
Il-membri ta’ grupp ta’ voluntiera għall-ħidma ta’ fejda – magħruf bħala tal-Elmi l-Bojod – fl-aħħar sigħat ikkonfermaw li numru mhux determinat ta’ tfal kienu fost il-mejtin u l-midruba. Dan meta l-filmati meħudin fis-suq wara l-attakk urew numru ta’ katavri minxurin mal-art, fost il-bini li ġarrbu l-ħsarat mil-qilla tal-isplużjoni.
Fil-belt ta’ Ażaż, hemm is-sede tal-Gvern Sirjan Proviżorju li hu grupp tal-Oppożizzjoni li jinsisti għall-għarfien bħala il-vera awtorità leġittima fis-Sirja.
Din il-belt għandha importanza strateġika fil-kuntest tal-gwerra ċivili bejn il-Gvern ta’ Assad u l-Oppożizzjoni minħabba l-valur tagħha bħala rotta għat-trasport tal-provvisti, kif ukoll għall-fatt li tinsab daqstant qrib tat-Turkija.
Intant, l-attakki bil-bombi indirizzati għaz-zoni fullati biċ=ċivili huma pjuttost komuni fir-reġjun lejn il-Majjistral tas-Sirja, viċin il-fruntiera, u partikularment fi bliet bħal Ażaż.
//= $special ?>