Internazzjonali Knisja

“Waqqfu l-gwerer” – Il-messaġġ imqanqal tal-Papa għal Ħadd il-Għid

Il-Papa Franġisku, waqt il-messaġġ tradizzjonali ta’ Ħadd il-Għid lid-dinja, sejjaħ bla tlaqliq għal waqfien mill-gwerer li għaddejjin bħalissa fl-artijiet ta’ Gaza u l-Ukrajna.

Preżenti għad-diskors fi Pjazza San Pietru (f’Ruma) kien hemm l-għexieren tal-eluf tan-nies li semgħu lill-Papa jenfasizza li ‘il-paċi qatt ma ntlaħqet bl-użu tal-armi iżda b’rieda u qalb ġenwina għall-koeżistenza, b’rispett għad-drittijiet ta’ xulxin’.

Il-Kap tal-Kattoliċi żamm l-appuntament tradizzjonali ta’ Ħadd il-Għid minkejja t-tħassib dwar saħħu. U waqt li l-Papa tkellem dwar il-konflitti li għaddejjin madwar id-dinja, hu talab biex il-pajjiżi ‘ma jċedux għal-loġika tal-armi u l-ambizzjonijiet biex jarmaw ruħhom mill-ġdid b’materjal ta’ qerda’.

Il-Papa Franġisku, fl-istess ħin, sejjaħ biex l-ostaġġi Iżraeljani li ilhom ix-xhur miżmumin mill-grupp terroristiku Palestinjan Ħamas jinħelsu mingħajr aktar telf ta’ żmien. Dawn iċ-ċivili ilhom jgħixu ħajja inċerta mindu, fis-7 ta’ Ottubru, inħatfu mill-Ħamas waqt ir-rejds storiċi tat-terroristi li kienu qasmu għall-artijiet ta’ Iżrael minn Gaza biex taw bidu għall-gwerra.

U filwaqt li wieħed qed jistenna r-riżultat tan-negozjati bejn Iżrael u l-Ħamas, il-Papa appella mill-ġdid biex ir-residenti ta’ Gaza jkollhom aċċess ‘mingħajr problemi’ għall-għajnuna umanitarja tant meħtieġa. Xejn anqas importanti, kompla l-Papa, għandu jkun l-impenn ta’ Iżrael u l-Ħamas biex iwaqqfu l-konflitt ta’ bejniethom mill-aktar fis possibbli.

Meta indirizza l-impatt tal-gwerra fuq iċ-ċivili, u partikularment it-tfal, il-Papa staqsa ‘kemm  dawn it-tfal għandhom idumu jaraw it-tbatija b’għajnejhom’ u meta fuq fommhom qed tidwi l-mistoqsija ‘Għalfejn dawn l-imwiet u qerda kollha…u għalxiex’.

Il-Papa imbagħad tkellem dwar il-konflitt tal-Ukrajna li ilha aktar minn sentejn wara li l-militar tar-Russja invada l-artijiet tal-ġar fi Frar tal-2022. Hi, f’dan il-każ, appella biex il-pajjiżi involuti fil-gwerra jirrispettaw il-prinċipji tal-liġi internazzjonali filwaqt li  esprima tamiet li jsir skambju sinifikanti ta’ priġunieri bejn ir-Russi u l-Uikreni.

.Waqt iċ-ċerimonji f’Ruma, il-Papa – li qed ibati minn issues ta’ mobbilità – uża wheelchair biex  jilqa’ lill-Kardinali li kienu qed jiċċelebraw il-Quddiesa tal-Ħadd il-Għid. Hu imbagħad ivvjaġġa madwar Pjazza San Pietru bil-popemobile fejn sellem lill-folol kbar preżenti.

Jumejn ilu, il-Papa kien ippresieda fuq is-servizz tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Bażilika ta’ San Pietru iżda ma attendiex għaċ-ċerimonja tradizzjonali ta’ Via Crucis u l-purċissjoni li saret fil-Kolossew ta’ Ruma bħala ‘miżura ta’ prekawzjoni;’ dovuta għall-istat fraġli tiegħu.