Lokali

Żvelat skandlu ieħor fi ħdan Transport Malta

Kien żvelat skandlu ieħor fi ħdan Transport Malta hekk kif Uffiċċjali għolja kienu qed “jitilfu” ċitazzjonijiet fuq il-baħar.

F’artiklu fil-ġurnal tal-Ħadd fil-MaltaToday, ġie żvelat kif tal-anqas tliet uffiċjali fi Transport Malta fi ħdan il-Maritime Enforcement Unit, kienu qed jimmanipulaw ċitazzjonijiet mogħtija fuq il-baħar, b’sorsi qalu li saret pressjoni kbira fuqhom sabiex iħassru dawn iċ-ċitazzjonijiet mis-sistema.

L-artiklu spjega kif is-sistema ta’ kif jiddaħħlu ċ-ċitazzjonijiet għadha mhix waħda diġitali, biċ-ċitazzjoni tibqa’ għand l-uffiċċjal li ħariġha u allura dan ifisser li faċilment jistgħu jsiru l-abbużi.

Apparti minn hekk, uħud minn dawn iċ-ċitazzjonijiet jispiċċaw fil-Qorti fejn hawnhekk jingħad li Uffiċjali fi ħdan l-MEU javviċinaw lill-akkużat u jitolbuh somma flus li tkun ferm inqas mill-multa li jista ‘ jeħel. Jingħad ukoll li mal-mument li jsir il-ħlas, m’hemmx għalfejn li l-individwu jidher quddiem il-Maġistrat.

Is-sorsi qalu li individwi li jkunu qed jaffaċċjaw multa ta’ €2,000 kif ukoll sospensjoni tal-liċenzja marittima jeħilsuha ħafif b’pagament ta’ €150.

F’każ ieħor ingħad li matul is-sena 2021, żewġ terzi taċ-ċitazzjonijiet jew 59% taċ-ċitazzjonijiet li ħarġu fuq il-baħar intilfu bl-uffiċjal allegatament responsabbli m’għadux jokkupa din il-kariga. Dan ifisser li eluf ta’ ewro f’ċitazzjonijiet ma nġabru qatt.

Ingħad ukoll li kumpanija partikolari li kellha numru sostanzjali ta’ ċitazzjonijiet fil-passat, jidher li fl-2021 ma kellhomx ċitazzjoni waħda iżda l-ġurnal kixef kif ra kopja ta’ ċitazzjoni “mitlufa” fil-konfront ta’ impjegat ta’ din l-istess kumpanija.

F’każ ieħor ta’ allegat abbuż, sorsi qalu li matul is-sena 2022 kif ukoll matul is-sena li għaddiet numru kbir ta’ ċitazzjonijiet ta’ fuq il-baħar qatt ma ntbagħtu bil-posta fil-perjodu stipulat mil-liġi.

Dan apparti li wħud miċ-ċitazzjonijiet ġew emendati bil-kitba sabiex il-multa tkun ħafna inqas milli suppost.

Għaldaqstant, jidher li għalkemm l-MEU taf bil-pressjoni li kienet qed issir fuq ċertu impjegati, ma’ ħadet l-ebda azzjoni iżda jidher ukoll li l-Pulizija għaddejja b’investigazzjoni b’rabta mal-allegazzjonijiet li saru.

Min-naħa l-oħra, minn investigazzjoni interna minn Transport Malta ma sabitx abbuż relata maċ-ċitazzjonijiet fuq il-baħar iżda ma provdiet l-ebda spjegazzjoni dwar għalfejn 59% taċ-ċitazzjonijiet intilfu.

Intant, dan mhuwiex l-uniku skandlu fi ħdan Transport Malta hekk kif matul is-sena li għaddiet ġie żvelat skandlu ieħor b’rabta mal-liċenzji tas-sewqan b’numru sostanzjali ta’ persuni ngħataw liċenzja meta ma kienx ħaqqhom.