Kienet traġedja li ħasdet lil bosta dik li seħħet fil-ġurnata tal-Għid il-Kbir fil-Brażil, fejn erba’ persuni sfaw maqtula wara li xarabank baqgħet dieħla fin-nies.
Il-każ seħħ f’Pernambuco, waqt purċissjoni ta’ Ħadd il-Għid, u s’issa għadu mhux ċar id-dinamika ta’ kif seħħ dan l-inċident.
Apparti l-erba’ vittmi, kien hemm 20 persuna oħra li sfaw midruba.
Video tal-inċident qed jiċċirkola fuq il-pjattaformi tal-media soċjali – filmat li juri x-xarabank nieżla minn triq wieqfa u tibqa’ dieħla fin-nies li kienu qed jattendu għal din il-purċissjoni. Fil-video jidhru xeni ta’ qsim il-qalb fejn in-nies li kienu fil-post bdew jippruvaw jgħinu lill-midruba.
Messaġġ mis-Sindku ta’ Jaboatao, Mano Medeiros, ġie ppubblikat fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali X u mill-Gvernatriċi Raquel Lyra fuq Instagram fejn wasslu l-kondoljanzi lil qraba u l-ħbieb tal-vittmi ta’ dan l-inċident.
Is-sewwieq tax-xarabank ħarab mill-post u s’issa m’hemmx informazzjoni dwar l-identità tiegħu.
//= $special ?>