Lokali

Il-lingwa Maltija għandha tibqa’ rekwiżit għall-ekwipaġġ tal-linja nazzjonali tal-ajru l-ġdida – PN

Għall-ewwel darba f’50 sena, l-ekwipaġġ tal-kabina tal-linja nazzjonali ta’ pajjiżna m’għandux bżonn ikun jaf jitkellem bil-Malti biex jaħdem fi ħdanha.

Kien dan li qal ix-Shadow Minister għat-Turiżmu, Mario de Marco, fi stqarrija maħruġa f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn saħaq li d-deċiżjoni li ġie rrappurtat li ttieħdet biex il-KM Malta Airlines ma tibqax titlob il-ħtieġa li l-ekwipaġġ tal-kabina jkun jaf jitkellem il-lingwa Maltija, hi ta’ għajb għal pajjiżna. Hi ta’ għajb għax il-linja tal-ajru hi waħda nazzjonali u sservi mhux biss il-bżonnijiet tal-industrija tat-turiżmu lejn pajjiżna, iżda wkoll il-bżonnijiet tal-ivvjaġġar tal-Maltin u Għawdxin li jsiefru, kemm għal skopijiet ta’ btala lil hinn minn xtutna, iżda wkoll għal bżonnijiet ta’ xogħol u ta’ negozju, kif ukoll għal bżonnijiet mediċi u ta’ saħħa.

L-użu tal-lingwa Maltija fuq l-ajruplan bħala lingwa primarja fuq il-linja nazzjonali hi wkoll parti mill-esperjenza ta’ awtentiċità li turist ikun qed ifittex. Ovvjament, l-użu ta’ lingwi oħrajn jistgħu u għandhom jintużaw flimkien mal-lingwa Maltija, iżda mhux għall-esklużjoni tagħha. B’hekk, ikun rispettat l-element nazzjonali u anke internazzjonali.

Din se tkun l-ewwel darba f’50 sena li l-Malti mhux se jintuża’ fuq l-ajruplani tal-linja nazzjonali ta’ pajjiżna.

Qabel, l-Air Malta kienet tobbliga lil dawk li japplikaw biex jaħdmu magħha, li jkunu jafu l-Malti u l-Ingliż fit-taħdit, fil-kitba u fl-abbiltà li jaqraw l-avviżi. Liema obbligazzjoni issa mhix se tibqa’ tgħodd.

Mario de Marco appella lill-Gvern jirrevoka din id-deċizjoni u jżomm f’moħħu l-interess tal-passiġġier li, kemm jekk Malti kif ukoll jekk barrani, ġej iżurna. Dan filwaqt li jiftakar li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha tħaddan il-lingwa nazzjonali u uffiċjali ta’ pajjiżna u mhux tagħmel l-oppost.