F’deċiżjoni li ttieħdet mal-bidu tal-linja nazzjonali l-ġdida, il-KM Malta Airlines, il-lingwa Maltija se tkun qed tingħata l-ġenb kompletament tant li l-ekwipaġġ tal-kabina mhux se jkun obbligat li jaf il-Malti sabiex jaħdem mal-kumpanija.
Din se tkun l-ewwel darba f’50 sena li l-Malti mhux se jintuża’ fuq l-ajruplani tal-linja nazzjonali ta’ pajjiżna. L-aħbar qajmet rabja kbira hekk kif wieħed jistenna li la darba bbukkja u rikeb fuq l-ajruplani rreġistrati f’pajjiżna, il-lingwa Maltija tkun preżenti awtomatikament.
Skont sors tal-ILLUM, din id-deċiżjoni ttieħdet biex ikunu “konformi ma’ linji oħra tal-ajru low-cost.”
Il-kumpanija l-ġdida KM Malta Airlines bdiet topera fil-31 ta’ Marzu, proprju l-għada li l-Air Malta tfiet il-magni tagħha darba għal dejjem wara 50 sena topera minn Malta lejn diversi destinazzjonijiet Ewropej.
Din id-deċiżjoni se tkun qed tagħti spazju biex mhux biss dawk li jafu sew il-Malti mitkellem japplikaw u jaħdmu mal-linja nazzjonali tal-ajru, iżda anke persuni li kompletament m’għandux ħjiel tal-lingwa Maltija.
Qabel, l-Air Malta kienet tobbliga lil dawk li japplikaw biex jaħdmu magħha, li jkunu jafu l-Malti u l-Ingliż fit-taħdit, fil-kitba u fl-abbiltà li jaqraw l-avviżi. Liema obbligazzjoni issa mhix se tibqa’ tgħodd.
Ħafna qed jibżgħu li deċiżjoni bħal din se tkun qed tgħin biex il-Malti jintesa u jinqered kompletament. Anke meta tikkunsidra li tmur fejn tmur, minkejja li ninstabu fuq il-gżejjer Maltin, mhux l-ewwel darba li jkollok taqleb mill-Malti għall-Ingliż sabiex tkun tista’ tikkomunika għaliex il-Gvern Laburista ġab jaħdmu f’pajjiżna barranin minn kontinenti differenti mingħajr ma obbligahom li jitgħallmu mqar il-Malti bażiku.
Din is-sitwazzjoni mhux biss qed titfa’ l-Malti lura, iżda saħansitra qed twassal biex tagħmilha diffiċli biex il-Maltin jgħixu ħajja normali f’pajjiżna stess. L-anzjani huma l-iktar li qed ibatu minn dan quddiem sitwazzjonijiet diffiċli biex jikkomunikaw il-bżonnijiet tagħhom ma’ ħaddiema barranin fl-isptarijiet u fi djar tal-anzjani, fost oħrajn.
//= $special ?>