L-ewwel xahrejn ta’ din is-sena fissru spejjeż ta’ eluf ta’ ewro f’airtime fuq it-televiżjoni minn diversi Ministri Laburisti, bil-Ministru tal-Ambjent, Miriam Dalli tkun l-iktar waħda li nefqet f’ħinijiet differenti waqt programmi tal-istazzjon Nazzjonali u l-istazzjon tal-media Laburista.
L-ebda aġenzija tal-Ministru Dalli, fosthom Ambjent Malta u Project Green, ma nefqet fuq reklamar waqt programmi ta’ NET Television. U dan kien konfermat waqt li kienu qed jiġu imwieġba mistoqsijiet parlamentari li saru mid-deputat Nazzjonalista Darren Carabott.
Skont informazzjoni li ġiet provduta fil-Parlament minn 11-il Ministru, il-Gvern nefaq xejn anqas minn €31,461 fuq TVM, €19,412 fuq il-midja tal-Partit Laburista, u €5,622 fuq l-FLiving. Il-midja tal-Partit Nazzjonalista daħlet l-inqas fosthom – total ta’ €2,600.
Uħud mill-Ministri xtraw l-airtime fuq it-TVM jew FLiving biss, iżda erbgħa minnhom – jiġifieri l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u l-Ministeri tal-Edukazzjoni, t’Għawdex, u tal-Enerġija – ħalsu għall-airtime f’reklamar fuq il-ONE iżda mhux fuq NET Television.
Meta ġew mistoqsija fil-Parlament biex jispjegaw ir-raġuni wara l-infieq fuq il-ONE iżda mhux fuq in-NET, dawn il-mistoqsijiet baqgħu ma ġewx imwieġba.
Żewġ Ministeri – tal-Affarijiet Barranin u tal-Artijiet – għażlu li ma jonfuqx fuq reklamar waqt programmi tat-televiżjoni. Bil-Ministru tat-Turiżmu jgħid li ma nefaqx flus fuq airtime.
U meta tara n-nefqa tal-Ministru Byron Camilleri f’dan l-aspett, minkejja li huwa għażel li jirriklama fuq in-NET waqt il-programm Ġimgħa b’Ġimgħa, din in-nefqa kienet inqas minn tal-ONE. B’kull slot kienet tiswa’ €10 inqas fuq in-NET meta kkumparat mal-ispiża li inħarġet għall-media Laburista.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fl-ewwel xahrejn kien nefaq mal-€5,000 – li minnhom, €4,000 marru għand il-ONE, filwaqt li TVM u l-FLiving ħadu ftit iktar minn €1,000 bejniethom.
U minkejja li xi Ministeri nefqu fuq reklamar fuq NET Television, din l-ispiża kienet ferm inqas fuq slots tan-NET meta kkumparat mal-ONE.
Tant illi kollox qed jindika li matul l-ewwel perjodu ta’ din is-sena, il-media Laburista ħadet eluf ta’ ewro fi ftit xhur, meta stazzjonijiet oħra ħadu ftit mijiet – u f’xi każi, ebda sold.
//= $special ?>